Lokali

Tinġabar is-somma rekord ta’ €202,316 b’risq il-Moviment Ġesù fil-Proxxmu f’maratona ta’ 12-il siegħa

F’Maratona ta’ 12-il-siegħa li saret fuq bosta stazzjonijiet, il-Moviment Ġesù fil-Proxxmu rnexxielhom jiġbru aktar minn €202,316 – is-somma rekord għalihom.

Din il-maratona saret bħala parti mill-kampanja annwali tal-ġbir ta’ fondi sabiex il-moviment jgħin missjonijiet fl-Etjopja, fil-Brażil u l-Kenja.

F’din il-maratona ntwerew filmati li ttieħdu ftit ġimgħat ilu fejn Fr Alex Cauchi, id-Direttur tal-Moviment Ġesù fil-Proxxmu, flimkien ma’ Fabian Demicoli u Aaron Atard żaru x-xogħol li qed isir fl-Etjopja, fejn esperjenzaw ir-realtà tal-faqar u sabu problema kbira tal-malarja.

Fr Alex Cauchi qal li jinsab emozzjonat bis-somma rekord miġbura, fejn żied b’entużjażmu kbir li d’donazzjonijiet komplew deħlin sa dalgħodu. Hu kkonferma li dawn il-flus se jkomplu jgħinu lil dawk l-aktar fil-bżonn u fejn hemm l-aktar urġenza.