Lokali

Tingħata l-aħħar tislima lil Dun Anġ Seychell

Illum ingħatat l-aħħar tislima lil Dun Anġ Seychell – il-fundatur tal-Fondazzjoni Nazareth.

Monsinjur Joseph Galea Curmi, waqt iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika għall-ħajja ta’ Dun Anġ fil-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katarina, iż-Żejtun, iddeskriva lil Dun Anġ bħala persuna li dejjem ħadmet favur soċjetà ġusta, filwaqt li assigura li jgħix ħajtu b’servizz għall-oħrajn.

Galea Curmi fakkar il-memorja ta’ Dun Anġ fejn qal li huwa dejjem għaraf li kull ħajja hi importanti f’sens jew ieħor, mill-ewwel mument fil-ġuf sal-aħħar tal-ħajja.

Preżenti għall-funeral kien hemm fost l-oħrajn il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, fost persuni distinti oħra.

Qabel il-funeral, Dun Anġ kien espost għall-pubbliku fl-Oratorju tas-Santissimu Sagrament. Biex imbagħad, wara l-funeral sar korteo funebri bis-sehem taż-żewġ baned taż-Żejtun, il-Banda Żejtun u l-Banda Beland. Huwa ndifen fil-qabar tal-Fondazzjoni Nazareth.

Dun Anġ Seychell miet fl-età ta’ 91 sena fejn tul ħajtu ħadem sew fis-soċjetà Maltija fejn fost l-oħrajn ħa ħsieb it-twaqqif ta’ Caritas Malta u wettaq ħidma fid-Dar tal-Kleru.

Dun Anġ twieled fl-1933 fiż-Żejtun fejn mill-istudji tiegħu rnexxielu jikseb Baċċellerat fit-Teoloġija.

Huwa kien beda l-ħajja klerikali tiegħu fl-età ta’ 23 sena, fl-1956, meta daħal għal saċerdot b’permess speċjali minn Ruma. Huwa kien jistqarr li minn dejjem ħass is-sejħa li jieħu ħsieb persuni b’diżabbiltà li għalih huma għeżież ħafna.

U fil-fatt hekk għamel tant li wasal biex biddel ir-residenza privata tiegħu sabiex isservi ta’ residenza għal persuni b’diżabbiltà.

Biex lejn l-aħħar ta’ ħajtu kellu ċ-ċans igawdi l-ħolma tiegħu li jara Dar San Franġisk tinfetaħ, fejn kull persuna tħossha milqugħha u rispettata, b’futur sigur.