Allegat vittma ta’ stupru qalet li l-akkużat kien aggressiv magħha fejn xeħitha mal-art u minkejja li talbitu bil-ħniena biex iħalliha u minkejja li pprovat diversi modi biex iħalliha, sa wara li rabatha, qaltlu li jekk iħollha kienet se ċċedi, l-aggressur baqa’ jikkalpestaha.
Dan ħareġ meta kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ raġel ta’ 32 sena li jinsab akkużat bi stupru ta’ tliet nisa f’massage parlours differenti. Il-Gambjan, Harona Conateh, residenti Ħal Qormi, jinsab akkużat fost oħrajn bi stupru, u li żamm lin-nisa kontra l-volonta tagħhom. L-allegat każ fil-konfront tat-tliet vittmi differenti seħħ fi tliet swali tal-massaġġi differenti f’Tas-Sliema u f’Birkirkara.
Ir-raġel jinsab akkużat bi stupru f’każijiet li seħħew darba f’Ġunju u darbtejn f’Lulju, fi ħwienet differenti li joffru servizz ta’ massaġġi. L-ewwel vittma li hi mit-Tajlandja, qalet fil-Qorti li r-raġel talab servizz ta’ massaġġi u meta l-vittma rrifjutat, tajrilha n-nuċċali, qabadha mill-polz u waddabha mal-art.
Il-mara li dehret eċċitata waqt ix-xhieda tagħha, qalet li mill-ġdid ir-raġel resaq lejha, qabadha minn idha u bl-id l-oħra neħħilha l-qalziet u beda jmissilha l-parti privata tagħha. Hi sostniet li bdiet twerżaq, tagħti b’sieqha u titlob bi ħniena lir-raġel biex jieqaf.
Imma dan ma tahiex widen u l-aggressur ħareġ ħabel u rabtilha idha t-tnejn flimkien. Ix-xhud stqarret li rrealizzat li ma tistax tirreżisti l-forza tar-raġel u għalhekk qaltlu li jekk iħollha, tagħtih dak li jrid. Dan għamlitu biex skont hi tirbaħ il-ħin u taħseb kif ser taħrab.
Hawn l-akkużat ħall lill-vittma, u ħallieha tqum bilwieqfa biex tieħu ftit nifs. Hu qallha biex tmisslu sidru iżda l-vittma pprovat tizvijah b’mistqosijiet fuq il-familja tiegħu bit-tama li tiġih ħniena minnha u jħalliha bi kwieta,
Il-Tajlandiża kompliet tgħid li l-aggressur mill-ġdid imbuttaha, u meta waqgħet għal wiċċha pprova jistrupraha. Kif lesta, ir-raġel qabad triqtu ‘l barra. Qabel għalaq il-bieb qalilha biex “darb’oħra ma tagħmillux hekk”.
Il-vittma spjegat li kellha tbenġil fuq sieqha, marki mal-polz, sofriet ġrieħi fil-kustilji u meta kienet eżaminata minn ġinekologa, irriżulta li kellha ġrieħi fuq ġewwa tal-parti tagħha. Mitluba tiddeskrivi lill-aggressur, qalet li kien liebes flokk skur u skufja safra.
Dan ikkonfermah ukoll l-espert tal-Qorti li kien inkarigat jevalwa l-filmati minn cameras tas-CCTV tal-post. Meta kien mitlub jispjega x’ra fil-filmati, l-espert xehed li ra persuna dieħla u ħierga madwar 10 minuti wara, fil-ħanut tal-massaġġi liebes flokk skur u skufja safra.
Waqt ix-xhieda saru diversi mistoqsijiet mill-prosekuzzjoni dwar dak mitlub mill-akkużat lill-vittma waqt l-atti sesswali. Dawn il-mistoqsijiet kienu fil-fond u ħadu ħafna mill-ħin tas-seduta. Fi tmiem ix-xhieda tagħha, il-mara qalet li spiss tħossha mdejqa wara li dak li ġarrbet u għarfet lill-akkużat fl-awla.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Angele Vella u Nicholas De Gaetana f’isem l-Avukat Ġenerali. L-ispetturi tal-Pulizija Clayton Camilleri, Brian Xuereb u Wayne Buhagiar ukoll qed imexxu l-prosekuzzjoni. L-akkużat qed jiġi assistit mill-Avukat Ilona Schembri.
Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi.
//= $special ?>