F’temp ta’ sentejn Accutor irċeviet aktar minn €7 miljun mingħand Steward
Il-kumpanija Żvizzera Accutor, l-istess kumpanija li minnha tħallas Jospeh Muscat bħala konsulent, kellha ftehim sigriet ma’ Steward Healthcare biex tirċievi 30% tad-dividends mid-deal frawdolenti tal-isptarijiet.
Dettalji żvelati mill-ġurnal Times of Malta wrew kif dan il-ftehim sigriet iggarantixxa d-drittijiet lil Accutor f’operazzjonijiet kummerċjali ta’ Steward f’Malta – dan ifisser li kellhom parti mill-profitti tal-kumpanija.
Il-ftehim kien iffirmat minn Armin Ernst, Kap Eżekuttiv ta’ Steward Healthcare li qabel kien jokkuppa l-istess kariga, imma ma’ Vitals.
Kien Gvern Laburista li ra kif għamel biex it-trasferiment tat-tliet sptarijiet mexa minn idejn Vitals Global Healthcare għal għand Steward Healthcare.
Emails żvelati mill-OCCRP urew li dawn il-profitti kienu mmirati biex imorru għand in-negozjant Shaukat Ali, li wkoll allegatament kellu id moħbija fil-kumpanija Vitals.
Tajjeb wieħed jiftakar li l-istess Shaukat Ali jinsab akkużat li fforma organizzazzjoni kriminali ma’ Joseph Muscat kif ukoll ma’ sid il-kumpanija Accutor, Wasay Bhatti.
Filwaqt li sal-2023 Steward kellha djun kbar u għaldaqstant ma tħallsu l-ebda dividends, huwa fatt li bejn l-2018 u l-2020 l-istess Steward għaddew pagamenti lil Accutor li jlaħħqu aktar minn €7 miljun – deskritti bħala spejjeż għal konsulenzi politiċi, lobbying jew spejjeż ta’ jets privati.
Huwa fatt ukoll li disa’ xhur wara li dan il-ftehim sigriet kien iffirmat, Joseph Muscat kien qiegħed jagħti konsulenza mqabbad minn Bhatti fuq bażi ta’ €15,000 fix-xahar… b’Muscat jirċievi €60,000 maqsumin fuq erba’ pagamenti – cioè ftit inqas minn kemm kien jaqla’ paga f’sena meta kien Prim Ministru.
Dan il-fatt kien konfermat minn Joseph Muscat innifsu.
//= $special ?>