Lokali

Aktar kliem fieragħ minn Chris Bonett – PN

Ftit tax-xhur ilu, il-Ministru Chris Bonett wiegħed li Infrastructure Malta se jagħmlu rapport fuq il-proposta tal-Kamra tal-Periti bħala alternattiva għall-proġett tal-Imsida u kif jista’ jittejjeb il-proġett maħsub għal din il-lokalità biex jinkludi l-elementi li qed jipproponu huma.

Dan saħquh ix-Shadow Ministers Mark Anthony Sammut, Joe Giglio u Bernice Bonello fejn saħqu li Bonett wiegħed ukoll li l-ħatra ta’ Steve Ellul bħala CEO ta’ Infrastructure Malta se tieħu lill-aġenzija “f’direzzjoni ġdida”.

Madankollu, insistew li jidher ċar li dan kien biss kliem fieragħ.

Huma spjegaw li dak li deher fil-midja dwar ir-rapport li ppreparat Infrastructure Malta fuq il-proposta tal-Kamra tal-Periti, juri li l-għan ta’ dan ir-rapport kien biss li jattakka l-alternattiva proposta.

Dan filwaqt li sostnew li f’dan l-istadju, l-anqas li hu mistenni hu li dan ir-rapport ikun ippubblikat fl-intier tiegħu.

“Qabel ma l-Gvern juża’ dan ir-rapport biex jarmi l-proposta magħmula, għandu jpoġġi bilqiegħda flimkien mal-Kamra tal-Periti u l-esperti, ma’ Infrastructure Malta, mal-Kunsill Lokali u l-komunità tal-Imsida kif ukoll mal-istakeholders kollha biex jiddiskuti t-triq ‘il quddiem fl-aħjar interess tan-nies.”