Lokali

Antonia Micallef se tibda sservi bħala Uffiċjal Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta

BirdLife Malta ħabbar it-tluq ta’ Nathaniel Attard, li serva bħala Maniġer tal-Komunikazzjoni għal aktar minn tmien snin. Matul dan il-perjodu, Nathaniel kellu rwol kruċjali biex BirdLife Malta issir magħrufa aktar u b’mod effettiv ippromwova x-xogħol u l-missjoni tal-organizzazzjoni.

Fid-dawl ta’ din il-bidla, BirdLife Malta rristrutturat l-operat tagħha biex tinteraġixxi aktar mal-komunità u mal-pubbliku. L-organizzazzjoni waqqfet dipartiment ġdid għall-Interazzjoni mal-Pubbliku u hija kuntenta tilqa’ lill-ġurnalista rinomata Antonia Micallef bħala l-Uffiċjal Eżekuttiv għall-Interazzjoni mal-Pubbliku.

Antonia ġġib magħha esperjenza ta’ 22 sena fis-setturi tal-midja u tal-komunikazzjoni, flimkien mal-isfond akkademiku tagħha fl-istudji tal-komunikazzjoni, fosthom fil-ġurnaliżmu fil-livell ta’ Masters. Antonia Micallef se tkun strumentali fl-għajnuna lil BirdLife Malta biex tilħaq l-għanijiet strateġiċi tagħha matul it-tliet snin li ġejjin.

Antonia Micallef se tibda r-rwol tagħha ma’ BirdLife Malta fil-ġimgħat li ġejjin, u l-organizzazzjoni tħares ‘il quddiem biex taħdem magħha biex tkompli twettaq il-missjoni tagħha.