“Din hija ammissjoni ta’ xi taħwida kbira biex waslu f’dan l-estrem, fl-opinjoni tiegħi dan l-iskandlu huwa veru la wasal biex jgħidilna. Ara fiex ġejna.”
Sostna dan il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija, Martin Balzan, meta f’intervista telefonika ma’ Net News saħaq li ċ-ċirkolari li tqassmet fost il-ħaddiema u l-professjonisti tas-saħħa mis-Segretarju Permanenti Joseph Chetcuti hija ammissjoni tat-taħwida f’Identità.
Martin Balzan saħaq li t-tobba u l-infermieri ma jistgħux jagħmluha tal-investigaturi, bħal Sherlock Holmes, biex jaraw jekk l-identità tagħhom hux vera jew falza – filwaqt li hemm possibbiltà wkoll li jwasslu aħbar lil persuna meta fil-verità jkunu riżultati mediċi ta’ persuni oħrajn.
Dan kollu wara li l-Avukat Jason Azzopardi żvela li s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa, Joseph Chetcuti, tul il-jum tat-Tlieta wassal ċirkolari permezz ta’ e-mail lill-Istituzzjonijiet kollha fil-qasam tas-saħħa, kif ukoll lill-ħaddiema b’linji gwida ġodda biex jidentifikaw il-pazjenti b’mod ġust għal fini ta’ rekords mediċi.
F’din l-e-mail ingħad li kull ħaddiem għandu responsabbiltà li jikkonferma l-identità tal-pazjent qabel ma jsir xi tibdil fir-rekords mediċi fosthom għandu jintalab in-numru tal-ID Card, isem u kunjom kif ukoll data ta’ twelid.
Dan filwaqt li għandu jintalab l-indirizz ta’ residenza, numru tal-mobile jew telephone tad-dar, kif ukoll l-indirizz ta’ e-mail.
Fatti li ċertament huma ovvji, madanakollu meta għandek is-Segretarju Permanenti jikteb dawn il-linji gwida iswed fuq l-abjad meta diversi ċittadini saru jafu li kien hemm min qed jagħmel użu mill-identità tagħhom, b’abbuż mir-rekords mediċi tagħhhom stess, hija wirja ċara li dawn l-affarijiet bażiċi, għal xi raġuni jew oħra, ma bdewx isiru.
Intqal ukoll li għal aktar aċċertamenti ta’ identifikazzjoni wieħed għandu jitlob il-liċenzja tas-sewqan u l-passaport.
Ġie nnotat ukoll li min ma jsegwix mal-linji gwida, se jkunu qed jittieħdu passi dixxiplinarji fil-konfront tiegħu.
Il-President tal-MAM saħaq li jifhem il-pożizzjoni tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għas-Saħħa biex ma jibqax jitpoġġa saħħet il-pazjenti f’riskju, madanakollu nsista li hemm bżonn li jiġu mħeġġa wkoll jikkuntatjaw lill-Pulizija la darba jinstab każ ta’ serq ta’ identità.
Martin Balzan insista li ċertament dan kollu se jkun qiegħed iżid ix-xogħol tal-ħaddiema tas-saħħa u jżid id-dewmien u saħaq li jekk is-Segretarju Permanenti jaf b’dan l-iskandlu, kien imissu jgħidha b’mod mill-aktar ċar u tond u juri li vera dak li ġara u li hemm taħwida kbira f’Identità.
//= $special ?>