Il-Kunsill Amministrattiv, wara rakkomandazzjoni tal-Kumitat tat-Tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, illejla appunta lil Nathaniel Attard bħala d-Direttur Komunikazzjoni l-ġdid tal-Partit Nazzjonalista.
Nathaniel hu eks ġurnalist tal-media tal-Partit Nazzjonalista, fejn serva wkoll għal numru ta’ snin bħala Kap tal-Aħbarijiet ta’ NET News. Bejn l-2014 u l-2016 kien ukoll Editur tal-ġurnal In-Nazzjon.
Dan tħabbar fi stqarrija maħruġa Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Michael Piccinino.
Wara numru ta’ snin jaħdem fil-qasam bankarju, Nathaniel Attard beda l-karriera ġurnalistika tiegħu fuq bażi part-time ma’ Radio 101 sakemm eventwalment fl-1998 ingħaqad man-newsroom ta’ NET News u kien wieħed mill-ewwel newscasters ta’ NET Television meta fetaħ l-istazzjon. Matul karriera ġurnalistika ta’ kważi 20 sena, ipproduċa u ppreżenta għadd kbir ta’ programmi ta’ natura differenti, inklużi programmi politiċi, oħrajn marbutin ma’ elezzjonijiet u okkażjonijiet statali u nazzjonali, kif ukoll programmi ta’ ġrajjiet kurrenti kemm għat-television u anke għar-radju.
Nathaniel hu minn Għawdex u serva wkoll għal perjodu qasir bħala Kunsillier Lokali tal-Partit Nazzjonalista tar-Rabat Għawdex.
Għal dawn l-aħħar tmien snin, mill-2016, ħadem bħala Communication Manager ma’ BirdLife Malta, li hi l-akbar NGO ambjentali f’pajjiżna.
Hu wkoll Qarrej tal-Provi tal-Malti kkwalifikat u ħadem fuq għadd ta’ kotba għal djar tal-pubblikazzjonijiet differenti.
Għandu għal qalbu dak kollu li għandu x’jaqsam mal-ilsien Malti u l-passatempi favoriti tiegħu huma l-qari, l-isport u li jżur pajjiżi differenti biex jiskopri kulturi u tradizzjonijiet differenti. Iħobb iżomm ruħu aġġornat b’dak kollu li jkun għaddej madwarna, inkluż fix-xena internazzjonali.
Minbarra Direttur Komunikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, hu qed jinħatar ukoll bħala Kelliem Uffiċjali tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Min-naħa l-oħra, James Aaron Ellul se jkun qed jokkupa l-kariga ta’ Direttur tal-Librerija Informa, li hi parti mid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista u li hi ċ-ċentru u s-sors ewlieni ta’ informazzjoni u ġrajjiet kurrenti f’pajjiżna.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech feraħ lil Nathaniel u lil James Aaron għar-rwoli l-ġodda tagħhom, li se jidħlu fis-seħħ mit-Tnejn, 9 ta’ Settembru.
//= $special ?>