Wieħed mill-ġirien ta’ fejn post fl-Imsida li kien qed jintuża bħala burdell, għadda lill-Pulizija filmati tal-movimenti li kien għaddejjin u hemm kienu identifikati wħud mill-akkużati jmorru fuq il-post. F’jum minnhom intlemħu deħlin b’xi oġġetti fejn kien hemm in-nisa qed jagħmlu xogħol ta’ prostituzzjoni. Dawn il-filmati li jmorru lura għal erba’ xhur, kompla saħħaħ il-każ tal-Pulizija, Dawn il-filmati kienu murija lill-Qorti.
L-akkużati kienu għamlu roster bejniethom biex imorru fejn l-allegati vittmi u grazzi għax-xogħol li għamlet il-Pulizija, il-każ beda aktar jieħu s-sura tiegħu fejn ġie stabbilit li kollox beda meta l-vittmi ltaqgħu ma’ mara fil-Kolumbja li tagħthom kuntatt ta’ persuna bil-laqam ta’ “Fantażma” u li din kien se jiggwidahom f’Malta, meta jaslu. Il-Pulizija skopriet li dan kien Luke Farrugia. Ħareġ ukoll li l-grupp ta’ nisa Kolumbjani, allegati viitmi kienu taw servizzi lil ‘il fuq minn 2,000 klijent f’perjodu ta’ tliet xhur.
Dan irriżulta mix-xhieda tal-Ispettur John Spiteri meta kien qed jixhed quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech fejn disa’ persuna, tmien irġiel u mara, qed jiġu akkużati bi traffikar ta’ persuni fejn kienu qegħdin jużawhom fil-kamp tal-prostituzzjoni.
L-Ispettur John Spiteri qal li fil-11 ta’ Ġunju, l-Ispettur Karl Roberts infurmah dwar spezzjonijiet li saru f’residenza fl-Imsida minħabba li xi persuni kienu Malta bla permess. Meta l-pulizija marret fuq il-post sabet tliet tfajliet ta’ nazzjonalita’ barranija, flimkien ma’ wieħed mill-akkużati Kane Vassallo.
L-Ispettur qal li minn dak li osservaw l-uffiċjali tal-pulizija, irriżulta li din ir-residenza kienet qed tintuża bħala burdell. Dan sostnewh ukoll it-tfajliet meta l-pulizija semgħet il-verżjoni tagħhom fid-Depot fil-Furjana. Żewġ tfajliet spjegaw li ġew Malta f’April u tnejn l-oħra kienu ilhom biss ftit ġranet qabel il-pulizija daħlet fir-residenza.
L-akkużati huma Luke Farrugia ta’ 36 sena, ħaddiem tal-manutenzjoni li jaħdem għal rasu minn Birkirkara; Clint Lawrence D’Amato, xufier mill-Gudja; Denzil Farrugia ta’ 19-il sena, impjegat ta’ ħanut tal-ikel minn Tas-Sliema; Alexandra Suhov Pocora, Rumena ta’ 32 sena minn San Pawl il-Baħar; Kane Vassallo, barbier ta’ 22 sena mis-Siġġiewi; Gordon Cassar, ħaddiem tal-manutenzjoni ta’ 44 sena mill-Kalkara; Luca Emanuele Corito ta’ 21 mill-Isla; Dylan McKay, xufier tat-taxi ta’ 30 sena mill-Fgura; u Nicolae Efimov ta’ 37 sena residenti San Pawl il-Baħar.
L-Ispettur John Spiteri qal li kien fil-11 ta’ Ġunju, meta l-Ispettur Karl Roberts infurmah dwar spezzjonijiet li saru f’residenza fl-Imsida fuq każ ta’ persuni li kienu qegħdin jgħixu Malta bla permess. Meta l-Pulizija marret fuq il-post sabet tliet tfajliet ta’ nazzjonalità barranija, flimkien ma’ wieħed mill-akkużati Kane Vassallo.
L-Ispettur Spiteri qal huwa kien bagħat lin-nies tiegħu biex jinvestigaw u li minn dak li osservaw l-uffiċjali tal-Pulizija rriżulta li din ir-residenza kienet qed tintuża bħala burdell. Dan sostnewh ukoll it-tfajliet meta l-Pulizija semgħet il-verżjoni tagħhom fid-Depot. Żewġ tfajliet spjegaw li ġew Malta f’April u tnejn l-oħra kienu ilhom biss ftit ġranet qabel il-Pulizija daħlet fir-residenza.
Kollha qalu lill-Pulizija l-istess ħaġa, li fil-Kolumbja ltagħqu ma’ mara li offritilhom jiġu Malta, u jaħdmu bħala ‘Escorts’. Ix-xogħol kien ser jikkonsisti f’kumpanija għall-irġiel, f’avvenimenti jew ikliet, u kellha tkun l-għażla tat-tfajliet jekk jagħtux servizzi sesswali lill-istess irġiel.
Spiteri kompla jispjega li minn investigazzjonjiet ulterjuri li wettqet il-Pulizija, irriżulta li t-tfajliet kellhom booking f’lukanda f’San Ġiljan, iżda meta waslu Malta, it-tfajliet twasslu ġo residenza fl-Imsida. Irriżulta wkoll li fil-Kolumbja ngħataw numru ta’ persuna u ntalbu jissejvjawh fuq il-mowbajl tagħhom taħt l-isem ‘Fantażma’.
Ix-xhud qal ukoll li l-Pulizija arrestat lil Kane Vassallo u meta fittxet fil-mowbajl tiegħu, sabet numru ta’ ‘chats’ fosthom bl-istess numru li ngħata lill-vittmi fil-Kolumbja. Irriżulta wkoll li l-istess numru kien ingħata bħala kuntatt lill-Pulizija minn Luke Farrugia, wara każijiet li kellu mal-Pulizija, li mhumiex konnessi ma’ dan il-każ.
Tenna wkoll li l-istess numru waqaf jintuża minn meta l-Pulizija daħlet fil-burdell. ‘Group chat’ li elevat il-Pulizija mill-mowbajl ta’ Kane Vassallo, waslet ukoll lil Pulizija għat-tieni burdell, inkluż għal uħud mill-akkużati preżenti llum fl-awla.
L-ispettur Spiteri qal li ġarr li jgħix fl-istess blokka ta’ appartamenti fejn kien hemm l-allegat burdell, għadda xi filmati mill-cameras tas-sigurtà li koprew perjodu ta’ erba’ xhur. Mill-filmati l-Pulizija rriżultalha li Luke Farrugia, Kane Vassallo, Clint D’Amato u Dylan McKay, tellgħu xi għamara fl-appartament. L-Ispettur qal ukoll li l-akkużati kien jaħdmu b’roster, kulħadd bil-ġranet tiegħu tax-xogħol, ilkoll bi rwoli differenti.
Ritratti indiċenti tat-tfajliet fuq sit li tintuża għall-prostituzzjoni
Minn ‘chats’ li ġew elevati mill-mowbajls tal-vittmi tal-prostituzzjoni rriżulta wkoll li żewġ tfajliet, bagħtu lil ċertu ‘Thiago’ u infurmawh bl-ammont ta’ klijenti u flus li għamlu f’dak il-lejl. Aktar tard il-Pulizija skopriet li kien isem fittizju ieħor li kien juża Luke Farrugia. ‘Chats’ oħra rriżultaw li Farrugia talab xi ritratti lil żewġ settijet ta’ aħwa li kienu fil-burdell tal-Imsida.
Huwa talabhom ritratti indiċenti biex itellagħhom fuq sit li kienet tintuża għal prostituzzjoni. Meta tfajliet bagħtu r-ritratti, Farrugia bagħat lura ‘GIF’ ta’ persuna qed iroxx il-liri. Fir-rigward ta’ Luca Corrito u Denzil Farrugia, il-Pulizija rriżultalha li ż-żewgt irġiel kienu jwasslu lill-vittmi għand il-klijenti kif ukoll jiġbru xi flejjes.
Il-flejjes ta’ Denzil Farrugia kienu jidħlu fil-kont bankarju Revolut ta’ Elaine Diacono, u b’hekk Diacono spiċċat arrestata mill-Pulizija. L-ispettur spjega li mit-tieni burdell, li kien jinsab il-Gżira, it-tfajliet kien jaqdu madwar 200 klijent f’ġimgħa.
Fir-rigward ta’ McKay, il-Pulizija skopriet li huwa kien il-moħħ wara photoshoot li seħħet ġewwa Hugo’s Hotel, F’San Ġiljan. Dan ikkonfermah il-fotografu Beppe Vella, li qal li Dylan McKay kien qabdu jieħu sett ta’ ritratti lit-tfajliet, liema ritratti kellhom jittellgħu fuq sit tal-prostituzzjoni.
Spiteri kompla jagħti stampa tal-investigazzjoni li saret mill-Pulizija fejn qal li fir-rigward ta’ Clint D’Amato, il-Pulizija sabet chat tiegħu ma’ waħda mill-vittmi, b’messaġġi forma ta’ struzzjonjiet dwar servizzi sesswali.
L-ispettur Spiteri spjega li waħda mill-vittmi kkonsultat ma’ D’Amato permezz ta’ messaġġi, dwar klijent li xtaq jikseb sess orali bla protezzjoni. Hu mifhum li tfajla ma ridietx tagħti dan is-servizz iżda Clint D’Amato qalilha li xogħolha kien li żżomm lil klijenti dejjem kuntenti.
Il-Pulizija rrizultalha wkoll li D’Amato kien jibgħat ukoll Revolut QR Code lit-tfajliet, liema code kien jintwera lill-klijent sabiex jgħaddi l-pagament għas-servizzi sesswali li ngħata. Fir-rigward tal-akkużati Rumeni, Nicolae Efimov u Alexandra Pocora, il-Pulizija skopriet li xogħolhom kien li jagħtu struzzjonijiet lill-vittmi dwar ġewwa tal-burdell kif ukoll fuq barra.
Spiteri qal li r-Rumena akkużata għamlet xi żmien ma tkunx parti mir-roster għaliex kellha tarbija u x-xogħol tagħha fil-frattemp kien qed jagħmlu ħaddieħor. Qal ukoll li l-Pulizija sabet ritratti ta’ Pocora, li ntużaw bħala forma ta’ reklamar għal prostituzzjoni. Dwar il-mara Rumena, l-ispettur John Spiteri ddikjara li ammettiet u kkollaborat mal-Pulizija.
Twissija mill-Qorti
Hawn fl-awla il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech wissiet lil wieħed mill-akkużati, li jista jitkeċċa ‘l barra mill-awla jekk jerġa’ jipprova jintimida lil Aexandra Pocora. Dan wara li qabdet lill-istess akkużat iħares lejn Pocora, b’rabja fejn beda wkoll ikemmex xuftejh bħal qisu diżgustat lejha, wara li sema’ li kkollaborat u ammettiet mal-Pulizija.
L-ispettur John Spiteri tenna wkoll li l-vittmi qalu li saru jafu l-prezz tal-passaġġ meta waslu Malta, u li l-ammont kellu jitħallas lura minn flejjes li jagħmlu mis-servizzi li jagħtu lill-irġiel. Fir-rigward ta’ Gordon Cassar, l-Ispettur iddikjara li l-Pulizija ma rrizultalha l-ebda involviment dirett minn naħa tiegħu, iżda rriżulta biss li waħda mir-residenzi tinsab mikrija fuqu mingħand ħabib tiegħu, li ser jixhed aktar ‘il quddiem fil-proċeduri.
Wara li beda wkoll il-kontro-eżami tad-difiża, ġie deċiż li l-kumpilazzjoni tkompli l-Erbgħa filgħodu fejn minbarra l-kontro-eżami jsiru l-argumenti fuq il-prima facie fejn mistennija li l-Qorti se tkun qed tisma’ l-argumenti tal-prosekuzzjoni u d-difiża dwar il-ħelsien mill-arrest tal-imputati.
Qabel ma xehed l-Ispettur Spiteri, xehdet Elaine Diacono, li qalet lill-Qorti li hija kienet ġiet arrestata wara li għamlet kont bankarju mal-bank Revolut u tat l-aċċess lil ċertu April Farrugia. Ix-xhud spjegat li l-ħabiba tagħha kienet tilfet il-mowbajl u kien għalhekk li tagħtha l-aċċess tal-kont tagħha. Fl-Awla, Diacono identifikat lil Denzil Farrugia, wieħed mill-akkużati, li jiġi wkoll it-tifel ta’ April Farrugia.
Qabel ma bdiet tixhed, il-Qorti fuq talba tal-prosekuzzjoni wissietha li tista’ ma tweġibx għal ċertu domandi jekk taħseb li setgħet tinkrimina ruħha b’dak li kienet se tgħid.
L-avukati tal-AG Ramon Bonett Sladden u Charmaine Abdilla qed imexxu l-prosekuzzjoni flimkien mal-Ispetturi John Spiteri, Joseph Xerri u Dorianne Tabone.
L-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri, Charles Mercieca, Roberto Montalto, Kathleen Calleja Grima, Joe Giglio, Michaela Giglio u Mario Mifsud assistew diversi imputati. L-avukati Lara Dimitrijevic u Stephanie Caruana dehru parte civile.
//= $special ?>