Lokali

Il-Gvern jibqa’ sieket quddiem fatti ġodda dwar id-deal ta’ Steward

Silenzju assolut mill-Gvern Laburista.

Wara aktar fatti żvelati dwar l-akbar frodi u l-akbar ħadma li sofra il-poplu Malti u Għawdxi mill-Indipendenza ‘l hawn, il-Prim Ministru Robert Abela u l-bqija tal-Kabinett tal-Ministri baqgħu ma lissnux kelma waħda.

Kien it-Tnejn waranofsinhar meta il-ġurnal Times of Malta żvela aktar fatti xokkanti, fejn sar magħruf li Steward Health Care kienu ffirmaw ftehim biex il-kumpanija Accutor tirċievi 30% tad-dividends tal-istess Steward Malta – ċioè mill-profitti li kienet qed tagħmel il-kumpanija f’pajjiżna.

F’dawn ir-rapporti, ġie allegat li l-id moħbija ta’ Accutor kien Shaukat Ali, l-istess id moħbija li kien hemm ma’ Vitals Global Healthcare – l-istess Ali li preżentament jinsab akkużat b’organizzazzjoni kriminali flimkien ma’ Wasayy Bhatti u l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Ġie żvelat ukoll li Steward Healthcare, bejn l-2018 u l-2020 kienu għaddew aktar minn €7 miljun f’pagamenti lil Accutor f’konsulenzi politiċi, spejjeż tal-jets, u lobbying. Din hija l-istess kumpanija li ftit tax-xhur wara li r-riżenja minn Prim Ministru, Joseph Muscat irċieva mingħandha €60,000 – imqassmin fuq 4 pagamenti.

U minkejja din il-ħadma sigrieta kollha, il-Gvern għadu fommu sieket – bil-Prim Ministru Robert Abela surrealment ma jħossx il-ħtieġa li jiddisassoċja ruħu pubblikament minkejja li kien jifforma parti minn Partit u Gvern li allegatament iffaċilita din il-ħadma minn flus il-poplu.

Divers persuni qed jappellaw lil Abela biex għal darba jrabbi kuraġġ u jagħmel dak li huwa ġust u jieħu passi politikament meħtieġa biex min żbalja jerfa’ r-responsabbiltà ta’ għemilu – madanakollu s’issa Gvern immexxi minn Robert Abela mexa biss bis-silenzju u u-turns kontinwi.

B’kuntrats, il-PN għadu qed jissielet fil-Qrati sabiex il-poplu jieħu lura l-400 miljun ewro li insterqu minn dan id-deal frawdolenti.