Internazzjonali

Il-Mongolja: Vladimir Putin jisfida lill-Qorti Kriminali Internazzjonali bi żjara f’Ulaanbaatar

Il-President tar-Russja Vladimir Putin, fl-aħħar sigħat, kien għaddej bi żjara fil-Mongolja u wara li t-Tmexxija ta’ dan il-pajjiż injorat l-appell tal-Ukrajna biex Putin jinżamm taħt arrest mal-wasla tiegħu.

Iż-żjara fil-Mongolja hi l-ewwel waħda minn Putin fi Stat li hu impenjat biex jirrispetta l-mandati tal-Qorti Kriminali Internazzjonali mindu l-istess Qorti kienet ħarġet mandat għall-arrest tal-Mexxej Russu. Fil-fatt, Putin ingħata merħba kbira mingħand il-President tal-Mongolja, Ukhnaagiin Khurelsukh, waqt ċerimonja  fil-belt kapitali ta’ Ulaanbaatar.

Dan, minkejja li l-Qorti Internazzjonali qed tfittex lill-President Russu dwar l-allegata deportazzjoni illegali tat-tfal Ukreni lejn ir-Russja – bil-kelliema għall-Kremlin, f’Moska, itennu li ‘qatt ma kellhom l-iċken biża’ li l-President tagħhom seta’ jinżamm taħt arrest waqt din iż-żjara’.

Intant, inġabar xorta grupp ta’ dimostranti fil-pjazza ewlenija ta’ Ulaanbaatar u fejn ipprotestaw għall-preżenza fosthom ta’ ‘kriminal tal-gwerra’ – b’referenza diretta għal Vladimir Putin.