Lokali

“Il-politika tal-PN igawdi minnha kulħadd – politika li ssir għal ġenerazzjonijiet sħaħ” – Bernard Grech

“Il-politika tal-Partit Nazzjonalista jgawdi minnha kulħadd – issir għal poplu tal-lum u għada”

Hekk kif fil-jiem li ġejjin pajjiżna se jkun qed jiċċelebra s-60 sena ta’ Malta indipendenti, it-Tlieta filgħaxija l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech faħħar il-kuraġġ li kellu Ġorġ Borg Olivier li emmen fil-poplu Malti u Għawdxi meta ħaddieħor ried iżommna b’rasna baxxuta.

Bernard Grech insista li l-Indpendenza kienet il-bidu li permezz tiegħu mhux biss għamilna l-kumplament tal-mixja bħala poplu, imma għadna qed ngħixuha fil-ħajja ta’ kuljum bħall-Ewropa li emmen fiha Eddie Fenech Adami – li emmen li nistgħu nkunu kbar fiċ-ċokon tagħna u npoġġu mal-mejda mal-bqija tal-istati membri l-oħrajn u niddeċiedu fuq il-ġejjieni tagħna.

Huwa saħaq li l-politika tal-Partit Nazzjonalista tbiddel il-ġejjieni tal-poplu għall-aħjar, li l-ġid tiegħu jibqa’ jirtu kulħadd, politika li ma ssirx għan-Nazzjonalisti biss imma ssir għal poplu tal-lum u għal ġenerazzjonijiet li jiġu wara.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li dan huwa partit li jistinka favur id-demokrazija, il-ġustizzja u stat indipendenti u demokratiku – stat li dejjem iħares lejn il-ġid tal-familji.

Bernard Grech insista li l-istorja turik li meta l-pajjiż jasal f’salib it-toroq il-poplu jdur għall-Partit Nazzjonalista, garanzija li se jiddefendi l-interessi taċ-ċittadin u mhux dawk tal-qalba.

Huwa insista li preżentament taħt Gvern Laburista l-korruzzjoni saret in-normalità li qed ngħixu fiha bi skandlu wieħed wara l-ieħor, bi traffiku kontinwu, bi tniġġis u bini bla rażan, bajjiet magħluqin u problemi fil-qasam tas-saħħa. Gvern li huwa maqbud f’morsa ta’ skandli u korruzzjoni.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li l-Gvern għal xi raġuni qiegħed jagħmel minn kollox biex il-pajjiż ma jġibx lura l-€400,000,000 misruqa minn flus il-poplu mid-deal tal-Vitals, Gvern li wiegħed il-ġenna fl-art imma qed iwettaq l-oppost.

Bernard Grech insista li dan il-Gvern wiegħed ‘L-Aqwa Żmien’ u ‘Tagħna Lkoll’, imma ġabu lil pajjiżna mifni b’serq u korruzzjoni.

Fi Pjazza Sant’ Anna fil-lokalità ta’ Tas-Sliema, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista beda billi sellem il-memorja ta’ Hugh Caruana, Eks Kunsillier, plejer u kowc tal-futbol li ċertament ħalla impatt tul ħajtu kollha u li sfortunatament miet fl-aħħar jiem.

Huwa sellem u rringrazzja wkoll il-ħidma tas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino li ħabbar li se jkun qed jieħu pass lura biex jikkontesta għall-Elezzjoni Ġenerali, u James Aaron Ellul li se jinħatar bħala Direttur tal-Librerija Informa.

Dan filwaqt li laqgħa lil Nathaniel Attard bħala d-Direttur tal-Komunikazzjoni l-ġdid tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll Kelliem Uffiċjali tal-Kap tal-Oppożizzjoni.