Lokali

“Il-poplu jrid Malta magħmula minn politiċi serji, ħajja aħjar u titjib fil-pagi” – Jerome Caruana Cilia

“Madwar tliet xhur ilu l-poplu għadda messaġġ li l-Gvern Laburista u t-tmexxija tiegħu qiegħed inaffru, iżda qed iwassal li l-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista qiegħed jasal.”

Sostna dan id-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia fejn insista li l-poplu qiegħed jintebaħ ir-rieda tajba tal-Partit Nazzjonalista, hekk kif qed jarah magħqud taħt tmexxija soda tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.

Huwa insista li l-Partit Nazzjonalista għaddej b’ħidma sħiħa f’komunikazzjoni kontinwa mal-familji Maltin u Għawdxin u mal-korpi kostitwiti – mixja ‘l quddiem flimkien, mixja li qed twassal għal frott mixtieq għall-ġid tal-poplu.

Ix-Shadow Minister sostna li huwa fundamentali li l-politiku jifhem għalfejn fl-elezzjonijiet li għaddew ma ħarġux jivvotaw, sabiex verament l-isfidi tagħhom jingħataw widen u tittieħed azzjoni serja.

Jerome Caruana Cilia insista li l-pajjiż jinsab imxebba’ mix-xogħol taċ-cheap labour u li ċertament jinsabu urtati bil-korruzzjoni, bi skandlu wieħed wara l-ieħor li minnhom mhux biss qed isofri but il-poplu bis-serq u frodi, iżda r-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Huwa temm jgħid li n-nies iridu paroli bil-fatti u mhux wegħdi bla ebda bażi, tama għal ħajja aħjar u pagi tajbin – garanzija u tama għal politiċi serji.