Lokali

Infrastructure Malta tirrifjuta l-pjan propost mill-Kamra tal-Periti

Infrastructure Malta, issa mmexxija mill-kandidat Laburista Steve Ellul, iddeskriviet il-pjan tal-Kamra tal-Periti għaċ-ċentru tal-Imsida bħala wieħed impossibbli u perikoluż. Dan skont rapport żvelat mill-ġurnal Times of Malta wara li f’Ġunju l-Kamra tal-Periti pproponiet li titwarrab il-fly-over ippjanata mill-aġenzija tal-Gvern… u minflok jitħawlu mal-elfejn siġra, bil-għan li filwaqt li titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-Misidjani jittaffa t-traffiku fiz-zona.

Madanakollu Infrastructure Malta ddeskrivet tali proposta bħala waħda magħmula tard wisq intiża biss biex tagħmel il-headlines b’mod mill-aktar iddisprat.

L-istess aġenzija saħqet li tali proġett propost mill-Periti jaf jirriżulta bħala periklu għall-pubbliku kif ukoll jaf iġib miegħu riskju u dannu għal proprjetajiet privati. U agħar minn hekk – dejjem skont il-Gvern –  jiżdied it-tniġġis u t-traffiku.

Il-President tal-Kamra tal-Peritit Andre Pizzuto saħaq mat-Times li dawn mhuma xejn ħlief skużi min-naħa ta’ Infrastructure Malta, u insista li jekk l-aġenzija m’għandhiex esperti fil-qasam, huma jgħinuhom bil-qalb kollha.

Huwa qal li l-pjan propost minn naħa tagħhom veru li jtawwal it-traġit għas-sewwieq; madanakollu t-traffiku jibqa’ wieħed mexxej u mhux joħloq konġestjoni akbar.

Pizzuto stqarr li mill-persuni kollha li ltaqgħu magħhom minn Transport Malta ħadd minnhom ma kellhom għarfien fuq ippjanar ta’ traffiku. U insista li jiddubita wkoll kemm kellu esperjenza jew kwalifiċi simili min kiteb dan ir-rapport li se jaffettwa b’mod qawwi l-ħajja tan-nies tal-Imsida.