Il-mewta tar-raġel li miet fl-emerġenza tal-Isptar Mater Dei hi waħda xokkanti, fejn Malti daħal għall-għajnuna jżomm sidru bl-uġigħ iżda l-għajnuna wasslet tard wisq.
Kien quddiem dan il-fatt li l-editorjal ta’ The Malta Independent qies din is-sitwazzjoni inkwetanti ferm. Bl-editur ifakkar kif kull persuna li jkollha emerġenza ta’ saħħa jeħtieġ tgħaddi mid-dipartiment tal-emerġenza.
Kien ukoll il-President tal-MAM, Martin Balzan, li ġibed l-attenzjoni kif l-emerġenza m’għandix tobba biżżejjed f’każijiet ta’ emerġenza, b’mod speċjali biex ilaħħqu mad-domanda dejjem tikber f’pajjiżna.
Balzan fakkar kif pajjiżna għandu nuqqas kbir ta’ professjonisti fis-settur tas-saħħa, u kien għalhekk li appella lill-Gvern biex jieħu azzjoni dwar dan sabiex ma nibqgħux naraw iktar telf ta’ ħajjiet.
Bl-editorjal ikompli jgħid kif issa wasalna f’sitwazzjoni fejn daqslikieku qed inwaħħlu biċċa stick biex nipprovaw nagħlqu ferita li ilha miftuħa għal dawn l-aħħar għaxar snin u fuqhom. B’dan qed jirriżulta f’telf ta’ professjonisti li għandhom snin twal ta’ esperjenza.
Sitwazzjoni, li l-editur iqisha bħala waħda li nieqsa b’mod kbir mill-ippjanar. U kien hawnhekk fejn staqsa għalfejn l-awtoritajiet konċernati ħallew din is-sitwazzjoni tasal fejn waslet; sitwazzjoni li issa qabżet sew il-linja l-ħamra.
Sitwazzjoni li mhux biss qed ibatu l-pazjenti imma anke l-ħaddiema li ma jifilħux iktar għall-pressjoni li qed jaffaċjaw.
Bl-editorjal jagħlaq b’appell wieħed: il-Gvern jeħtieġ li jirranġa din is-sitwazzjoni llum qabel għada.
//= $special ?>