Kultura Lokali Mużika

It-32 edizzjoni tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza

Il-biljetti jistgħu jinxtraw minn hawnhekk: https://www.showshappening.com/mcc/KONKORS-KANZUNETTA-INDIPENDENZA

Noel D’Anastas

ndanastas@gmail.com

Nhar il-Ħadd li ġej tittella’ t-32 edizzjoni tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza. Għoxrin kanzunetta se jkunu qed jieħdu sehem nhar il-Ħadd, 8 ta’ Settembru, f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, il-Belt Valletta. Din se tkun edizzjoni akbar u isbaħ. L-istennija hija kbira.

Kollox jinsab bil-lest biex nhar il-Ħadd li ġej tittella’ edizzjoni oħra tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza, festival li minn sena għal oħra jattira bosta esponenti u segwaċi, il-pjattaforma għal diversi kantanti li għal ħafna minhom raw il-bidu tal-karriera tagħhom titlaq minn hawn.

Tul is-snin, il-KKI inkludha kanzunetti li baqgħu parti mir-ripertorju klassiku tal-kanzunetta Maltija. Tiftakruha ‘Fejn Staħbejtli’ interpretata minn Ira Losco? ‘In-Nar Ħa’ bil-vuċi ta’ Tarcisio Barbara u ‘Il-Ħaddiem tas-Sena’ ta’ Brown Rice? Jew ‘L-Għażla F’idejna’ kantata minn Lawrence Gray proprju ftit xhur qabel Malta marret għar-referendum għall-isħubija fl-Unjoni Eweropeja? Ma’ dawn, jibqgħu memorabbli l-kanzunetti ‘Dan hu l-Mument’ mill-edizzjoni tal-2007 li min jaf kemm indaqqet fix-xhur ta’ wara fi tħejjija għall-Elezzjoni Ġenerali. ‘Nistgħu nirnexxu’ wkoll tibqa’ mmarkata fl-istorja twila tal-KKI, bl-ewwel edizzjoni tmur lura għall-1983, mirbuħa minn Joe Naudi bil-kanzunetta ‘Nibqgħu Ngħożżuh Maltin‘. Dawn huma biss ftit minn ħafna li għamlu dan il-festival imfittex mill-kompożituri, awturi u kantanti Maltin.

Sena ilu kien tfakkar l-erbgħin sena mill-ewwel edizzjoni. Kien sar fi Pjazza Teatru Rjal u rebħitu l-kantanta żagħżugħa Eliana Gomez Blanco bil-kanzunetta ‘Kannizzata’ miktuba minn Alfred C. Sant u Ray Agius. Din il-kanzunetta rebħet ukoll il-vot tal-pubbliku.

Din is-sena Net Media, il-produtturi tal-KKI, ħasbu biex iwasslu festival akbar u isbaħ, aktar eċċitanti. Għalhekk kien jixraq li l-post magħżul ikun Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, fil-Belt Valletta, palk ikbar aktar majestuż li fuqu se jilqa’ l-20 kanzunetta u l-vuċijiet ta’ bosta kantanti magħrufa u oħrajn li forsi mhux daqshekk stabbiliti, iżda flimkien jagħmlu festival eċċitanti.

Jippreżentaw din is-serata se jkun hemm Valerie Vella, Eileen Montesin u bintha Christine Haber, flimkien ma’ Louise Tedesco li fil-passat preżentatu kemm-il darba u din is-sena qed terġa’ tirritorna bħala preżentatriċi.

Mistiedna speċjali se jkunu Eliana Gomez Blanco u Mike Spiteri li se jinterpreta l-verżjoni l-ġdida tal-kanzunetta ‘Fejn tħobb il-qalb’.

L-appuntament huwa għal nhar il-Ħadd, 8 ta’ Settembru f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi l-Belt fit-8.30pm. Biljetti jinkisbu minn fuq showshappening.com. Minn hawn nawguraw lill-finalisti kollha.

Il-lista tal-kanzunetti finalisti huma dawn:

  1. Bik Għandi d-Dinja – Laura Bruno (Mark Spiteri Lucas/Emil Calleja Bayliss),
  2. In-Nar f’Għajnejja – Esther Spiteri (Chan Vella/Etienne Micallef)
  3. Futur fil-Ġejjien – Neville Refalo (Ray Agius)
  4. M’Għaraftnix – Justine Bezzina (Emil Calleja Bayliss/Gilbert ‘il-Bibi’ Camilleri)
  5. Ejja Nqumu – Dominic Cini (Dominic Cini/Etienne Micallef)
  6. Għix – Martina Fenech (Richard Edwards/Emil Calleja Bayliss)
  7. Inviżibbli – Charlene Rae Muscat (Glen Vella/Emil Calleja Bayliss)
  8. Il-Karba – Ishmael Grech (Mark Spiteri Lucas/Emil Calleja Bayliss)
  9. X’Qed Tistenna – Rita Pace (Rita Pace)
  10. Imprezzabbli – Franklin Calleja (Mark Spiteri Lucas/Emil Calleja Bayliss)
  11. Bħalek Ħadd – Jessika (Lawrence Grima/Emil Calleja Bayliss)
  12. L-Akbar Ħabiba – Debbie Scerri & Nicole (Andrew Zahra/Joe Julian Farrugia)
  13. Bizzilla – Enya Magri (Philip Vella/Emil Calleja Bayliss)
  14. U Bqajt Għaddej – Ivan Spiteri Lucas (Mark Spiteri Lucas/Joe Chircop)
  15. Nistħajlek Hawn – Karei (Mark SPiteri Lucas/Paul Ellul)
  16. Uniċi – Danica Muscat (Cyprian Cassar/Emil Calleja Bayliss)
  17. Ħi – Darryl James (Chan Vella/Alexia Vella Schembri)
  18. Il-Ħtija tagħna Lkoll – Kristy Spiteri (David Joseph Sammut/Ritianne Catherine Frên)
  19. Aktar Tard – Mark Spiteri Lucas (Mark Spiteri Lucas/Emil Calleja Bayliss)
  20. Xi Mkien Ieħor – Nathan (Mark Scicluna/Lon Kirkop)