Internazzjonali

IŻRAEL: Il-Prim Ministru Benjamin Netanyahu jgħid li mhux se jċedi għall-pressjoni

Ritratt: BBC

Il-Prim Ministru ta’ Iżrael Benjamin Netanyahu qal li mhux se jċedi għall-pressjoni hekk kif qed ikomplu jikbru l-appelli sabiex jasal għal qbil li jġib miegħu t-tmiem ta’ dan il-kunflitt.

Waqt li kien qed jindirizza lin-nazzjon, Netanyahu sostna li hemm ċertu affarijiet li qatt ma jista’ jċedihom lill-grupp Hamas iżda fl-istess waqt huwa kommess li jkompli jiddiskuti bil-għan li jitwaqqaf il-ġlied. Però kollox qed jindika – skont Netanyahu, li l-Hamas qed jirrifjutaw kull proposta li qiegħed iressaq.

Intant, il-Prim Ministru Netanyahu spiċċa indirizza lin-nazzjon wara li matul il-jum, eluf niżlu fit-toroq jipprotestaw hekk kif l-Iżraeljani ħarġu fuq strajk ġenerali madwar il-pajjiż kollu – strajk li ġie ordnat mill-aktar union influwenti fil-pajjiż wara li nstabu l-katavri ta’ sitt ostaġġi li kienu miżmuma mill-militanti tal-Hamas.