Internazzjonali

Iżrael: Rabja dwar is-sospensjoni parzjali tal-bejgħ tal-armamenti mir-Renju Unit

Il-Prim Ministru ta’ Iżrael, Benjamin Netanyahu, ikkundanna d-deċiżjoni tar-Renju Unit biex tissospendi l-bejgħ ta’ xi armamenti speċifiċi lil pajjiżu. Dan waqt li hu sostna li deċiżjoni bħal din għandha sservi biss biex tistimola lill-gruppi terroristiċi bħall-Ħamas’.

Netanyahu qal li l-Britanniċi, minflok, għandhom jagħmlu minn kollox biex jappoġġjaw lil Iżrael li hu pajjiż demokratiku bħar-Renju Unit u li qed jiddefendi ruħu kontra l-barbariżmu.

Il-kummenti ngħataw wara li s-Segretarju tad-Difiża Britanniku, John Healey, insista li r-Renju Unit jibqa’ ‘alleat mill-aktar sod’ ta’ Iżrael. U skont Healey, is-sospensjoni ta’ xi 30 minn fost it-350 liċenzja għall-esportazzjoni tal-armi lil Iżrael, m’għandhiex tipperikola s-sigurtà tal-Iżraeljani.

Il-Ministri f’Londra qed jgħidu li l-armamenti sospiżi kapaċi jintużaw f’Gaza b’mod li jabbużaw il-liġi internazzjonali. Fl-istess ħin, il-grupp Amnesty International UK, li jaċċerta mir-rispett għad-drittijiet umani, qal li l-miżuri fir-rigward ta’ Iżrael huma ‘wisq limitati’ fiċ-ċirkustanzi.

Is-sospensjoni mir-Renju Unit qed  jaffettwa tagħmir militari li jinkludi parts għall-ajruplani militari, il-ħelikopters u d-drones.

Il-Ministru Healey qal li dawn il-parts, fost oħrajn, jistgħu jintużaw għal waqt l-offensiva tal-Iżraeljani fuq l-ibliet ta’ Gaza. Dan waqt li l-maġġoranza tal-parts l-oħrajn esportati lil Iżrael mhumiex relatati mal-kunflitt inkella jistgħu jintużaw ‘purament’ għal skopijiet ta’ difiża.

Sadanittant,  hemm ukoll l-entitajiet li kkritikaw dan il-pass mir-Renju Unit, fl-istess żmien meta kienu qed isiru l-funerali ta’ sitt ostaġġi Iżraeljani li spiċċaw immassakrati mit-terroristi tal-Ħamas f’Gaza. Il-katavri tal-vittmi kienu nstabu fi tmiem il-ġimgħa fil-Medda ta’ Gaza.