Hekk kif fil-ġimgħat li ġejjin jiftaħ mill-ġdid il-Parlament Malti wara l-vaganzi tas-sajf, dan ikun ifisser tħejjija għall-Budget 2025. U b’hekk dan ifisser li jibdew il-laqgħat biex jiġu ppreżentati l-proposti għal dan il-budget.
Fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill tal-MCESD, immexxija mid-Deputat Chairman Mark Musù, ġew diskussi l-konsultazzjonijiet ta’ qabel il-budget.
L-imsieħba soċjali enfasizzaw l-importanza tas-sostenibbiltà fiskali u saħqu dwar iktar effiċjenza fis-settur pubbliku. Tkellmu wkoll fuq taxxa iktar ġusta u għaqal fl-ispiża tal-Gvern. Fost numru ta’ suġġetti, l-imsieħba soċjali tkellmu fuq tisħiħ tal-konnettività bejn Malta u Għawdex, ir-riforma tal-Public Procurement, l-investiment fl-infrastruttura tal-kura tas-saħħa, l-iżgurar ta’ governanza tajba għal użu aktar effiċjenti u effettiv tal-fondi tal-UE, il-promozzjoni ta’ turiżmu ta’ kwalità, u l-indirizzar tal-kwistjonijiet tat-traffiku.
Ġiet enfasizzata wkoll il-ħtieġa għal viżjoni ekonomika ċara fost l-imsieħba soċjali. Dawn il-proposti kellhom l-għan li jiżguraw tkabbir ekonomiku bilanċjat, il-kompetittività, u l-iżvilupp soċjali filwaqt li tinżamm ir-responsabbiltà fiskali fil-Budget.
Waqt din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-budget, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana spjega lill-imsieħba soċjali li l-Gvern se jkun qed iressaq il-pjan fiskali tiegħu fuq terminu medju lill-Kummissjoni Ewropea sal-20 ta’ Settembru. Dan fl-ambitu tal-fatt li bħalissa il-Gvern jinsab taħt il-morsa ta’ excessive deficit procedure.
//= $special ?>