Internazzjonali

L-Indoneżja: Il-Papa Franġisku jibda l-vjaġġ pastorali fir-reġjun tal-Asja u l-Paċifiku

Il-Papa Franġisku jinsab l-Indoneżja bħala l-bidu tal-itwal vjaġġ tal-Pontifikat tiegħu li ilu mill-2013.

Il-vjaġġ ta’ 12-il jum hu wkoll l-itwal wieħed tal-Papa fir-reġjun tal-Asja u l-Paċifiku u fejn hu mistenni jenfasizza l-importanza tal-issues ambjentali u d-djalogu bejn id-diversi denominazzjonijiet tal-fidi.

Fil-fatt, il-Papa, ’il quddiem, għandu jivvjaġġja wkoll lejn Papua New Guinea, Singapore u Timor-Leste – li hu l-uniku fost dawn l-erba’ pajjiżi fejn il-maġġoranza tar-residenti huma Kattoliċi.

Intant, il-vjaġġ – u l-impenji tiegħu – mistennija jimponu sfida kbira għall-Kap tal-Kattoliċi li għandu 87 sena u li qed jissielet ma’ diversi problemi tas-saħħa.

Iżda l-vjaġġ qed jitqies ukoll bħala kruċjali minħabba li r-reġjun tal-Asja u l-Paċifiku hu fost ftit reġjuni biss (fid-dinja) fejn il-Knisja Kattolika għadha qed tikber f’termini ta’ Kattoliċi mgħammdin ġodda u vokazzjonijiet reliġjużi.

Il-Papa Franġisku anki mistenni jsegwi l-passi tal-mibki Papa – illum qaddis – Ġwanni Pawlu t-Tieni li wkoll kien żar lil dawn l-erba’ pajjiżi waqt il-Pontifikat tiegħu li dam għal 27 sena.

Il-Kap tal-Kattoliċi ilu s-snin jipprova jressaq id-duttrina Kattolika lill-komunitajiet imbegħdin u marġinalizzati madwar id-dinja.

Intant, il-Papa hu biss it-tielet wieħed li qatt żar l-Indoneżja… pajjiż li għandu l-akbar popolazzjoni ta’ Musulmani minn fost l-Istati kollha tad-dinja.

Il-programm tal-Papa f’dan il-pajjiż jinkludi żjara lill-moskea ewlenija ta’ Jakarta, laqgħat ma’ Joko Widodo li se jispiċċa dalwaqt minn President Indoneżjan u l-konċelebrazzjoni ta’ quddiesa għal xi 70,000 ruħ.

Fl-istess ħin, l-osservaturi jemmnu li ż-żjara tal-Papa fl-Indoneżja għandha tenfasizza l-interess tiegħu biex ikattar id-djalogu u komunikazzjoni bejn il-komunitajiet Kristjani u  Musulmani li għandhom storja twila ta’ tensjoni.