Il-qawwiet tar-Russja qatlu ‘l fuq minn 50 persuna waqt attakk bil-missili fuq il-belt Ukrena ta’ Poltava.
L-attakk, indirizzat għaz-zoni fullati biċ-ċivili, qed jitqies fost l-agħar kontra l-popolazzjoni tal-Ukrajna mill-bidu ta’ din is-sena.
Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, filwaqt li kkundanna l-attakk, ikkonferma wkoll li ndarbu qrib il-200 persuna – b’din iċ-ċifra kapaċi tiżdied fis-sigħat li ġejjin.
Mifhum ukoll li żewġ missili laqtu ‘istituzzjoni edukattiva’ flimkien ma’ sptar fl-inħawi ta’ Poltava, Dan ukoll fost rapporti mhux ikkonfermati li l-missili laqtu wkoll lil ċentru għat-taħriġ tal-militar Ukren.
Il-kelliema għall-Ministeru Ukren tad-Difiża, fl-istess ħin, irrapporta li diversi nies spiċċaw vittmi tal-attakk waqt li huma kienu qrib ħafna tax-xelters – u ftit wara li ndaqqu s-sireni għal kontra l-attakki mill-ajru.
Fl-istess ħin, qed jingħad li kien hemm ftit li xejn twissijiet dwar xi attakk imminenti – u bil-konsegwenza li ħafna ċittadini nqabdu fil-beraħ mingħajr l-ebda forma ta’ kenn.
Il-belt ta’ Poltava, fejn qed jgħixu ‘l fuq minn 300,000, ilha ż-żmien bħala ċentru ta’ refuġju għall-Ukreni li kienu kostretti jaħarbu mill-offensiva tal-Armata Russa fuq ir-reġjuni lejn il-lvant tal-Ukrajna.
Sadanittant, l-awtoritajiet f’Poltava ddikjaraw tlett ijiem ta’ luttu għall-vittmi, bit-tfittxija għall-persuni nieqsa qed tkompli għaddejja.
//= $special ?>