Lokali

“Ma nistgħux ninsew minn fejn bdejna biex inkomplu nimxu ‘l quddiem” – Norma Camilleri

“Ma nistgħux ninsew minn fejn bdejna biex nibqgħu nkomplu bil-pass ‘il quddiem.” Sostniet dan Norma Camilleri fi Pjazza Sant’ Anna, fil-lokalità ta’ Tas-Sliema.

Hija saħqet li fi ftit jiem oħra pajjiżna se jkun qed ifakkar is-60 sena mill-Indipendenza ta’ pajjiżna – grazzi għall-ħidma sfieqa ta’ missirijietna.

Norma Camilleri insistiet li s-soċjetà Maltija hija mibnija fuq sisien u valuri sodi, valuri ta’ familja u ġustizzja, valuri li jsaħħu l-prinċipji u drittijiet fundamentali.

Dan għad-differenza ta’ Gvern Laburista li lest jipproteġi lil ftit magħżula, minflok jinvesti fil-familji Maltin u Għawdxin, minflok investiment biex inaqqas it-traffiku u t-tniġġis. Gvern Laburista qiegħed jinvesti f’bini bla rażan u bajjiet magħluqin.

Camilleri insistiet li f’pajjiżna għandna kollass fil-qasam tas-saħħa, tobba u infermieri li qed jaħdmu f’kundizzjonijiet mhux xierqa u taħt pressjoni enormi biex ilaħħqu mad-domanda.

Hija stqarret li hawn ċittadini li qed jiġu trattati ta’ nies tat-tieni klassi, bħal fil-każ tal-Għawdxin li minkejja d-diversi wegħdi għadhom qed jinqdew b’vapur mhux xieraq u agħar minn hekk għal dan il-vapur il-Gvern qed joħroġ eluf ta’ ewro minn but il-poplu.

Norma Camilleri insistiet li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jistinka biex l-għożża tar-rabta tal-familja, is-serjetà fit-tmexxija, il-ġustizzja, il-verità u l-korrettezza jerġgħu jitpoġġew fil-mixja tal-poplu Malti u Għawdxi.