Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti flimkien mal-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul, ċaħdet talba ta’ tabiba mill-Georgia għal kumpens ogħla minn €228,000 wara li għal diversi snin baqgħet mingħajr liċenzja biex taħdem f’Malta. It-talba tagħha li ġiet miċħuda kienet tgħid li l-kumpens għandu jkun ta’ madwar miljun ewro.
Il-każ jitratta r-rifjut tal-Kunsill Mediku Malti fl-2011 li jirreġistra lit-tabiba Isabella Zananian Desira wara li din ma xtaqitx tagħmel eżami f’Malta sabiex tikkonferma l-kwalifiki tagħha. It-tabiba għandha wkoll iċ-ċittadinanza Maltija.
L-eżami impost mill-Kunsill dak iż-żmien kien l-ekwivalenti għal dak li jagħmlu l-istudenti universitarji tal-ħames sena u kellu jsir mit-tabiba minħabba li d-degree tagħha ma ħadithiex minn pajjiż fl-Unjoni Ewropea u għalhekk ma kinitx valida f’Malta.
Il-Kunsill Mediku kien tenna fir-risposta tiegħu li ma rrifjutax l-applikazzjoni tat-tabiba u li dan l-eżami kien obbligatorju minħabba li t-tabiba ma kinitx ġejja minn pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea. Il-każ ħa fit-tul sakemm inqatgħu ċerti appelli mill-Kunsill sabiex il-każ jinstema’ mill-ġdid.
Il-Qorti kienet iddikjarat li ma tistax iġġiegħel lill-Kunsill Mediku jħalli lit-tabiba tipprattika l-professjoni tagħha. Il-Qorti kienet ikkunsidrat li sakemm it-tabiba ngħatat il-liċenzja biex taħdem f’Malta fl-2019, kienet tilfet madwar €228,896 f’salarju.
Għaldaqstant, il-Qorti sentejn ilu qalet li l-Kunsill Mediku huwa responsabbli għall-ħlas ta’ dan l-ammont lit-tabiba. Iżda t-tabiba xorta appellat din is-sentenza u argumentat li l-Qorti ma fehmitx li “l-Kunsill Mediku rrovinali l-karriera professjonali tiegħi”.
Hi tenniet li l-kumpens tagħha kellu jkun ta’ madwar €1.07 miljun u li l-każ ma kellux jinstema’ quddiem l-istess Imħallef, apparti li saħqet li “d-dinjità tagħha kienet affettwata ħażin. Sostniet ukoll li l-bord li kellu jagħtiha l-liċenzja biex taħdem f’Malta kien qed jitmexxa mill-istess persuna li kien qed imexxi l-Kunsill Mediku.
Il-Kunsill irribatta li t-tabiba kienet qed twessa’ l-parametri tal-kawża tagħha u li eventwalment tħalliet taħdem f’Malta fl-2019. Żied li meta t-tabiba fetħet il-kawża tagħha, ma kienx għad kellha ċ-ċittadinanza Maltija.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Appell qalet li t-tabiba ma ressqet l-ebda evidenza li kellha tirċievi dan l-ammont bħala kumpens u li l-kawża tagħha ma kellhiex tiġi milqugħa. Il-Qorti ordnat li l-ispejjeż tal-kawża jitħallsu mit-tabiba.
//= $special ?>