Lokali

Miriam Dalli m’għandhiex teħlisha ħafif minħabba “żball oħxon” tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika – PN

IIlum il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ntalab jikkoreġi rapport li fih sab ksur ta’ etika mill-Ministru Miriam Dalli. Fir-rapport li ppubblika nhar il-Ġimgħa, il-Kummissarju ddeċieda li jagħlaq il-każ b’sempliċi apoloġija mill-Ministru Miriam Dalli minħabba li skontu Miriam Dalli ma kinitx Ministru meta ġie ppubblikat rapport dwar l-istess ta’ abbuż.

Ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Karol Aquilina qal fi stqarrija li dan huwa żball oħxon tal-Kummissarju. Miriam Dalli li nħatret Ministru nhar it-23 ta’ Novembru 2020 filwaqt li r-rapport li rrefera għalih il-Kummissarju ġie ppubblikat f’Jannar 2021. Għalhekk Miriam Dalli kienet diġà Ministru meta ġie ppubblikat ir-rapport li għalih irrefera l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Miriam Dalli żgur kienet taf bil-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport u bl-obbligi tagħha bħala Ministru skont il-Kodiċi ta’ Etika għall-Ministri u Segretarji Parlamentari.

Għalhekk, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ntalab jikkoreġi r-rapport tiegħu u, minflok jagħlaq il-każ bl-apoloġija tal-Ministru Miriam Dalli, jibgħat ir-rapport quddiem il-Kumitat tal-Parlament dwar l-Istandards biex tittieħed azzjoni dwaru skont dak li jipprovdi l-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika.

Ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja saħaq li dan mhuwiex aċċettabbli li Ministri li jabbużaw mill-pożizzjoni tagħhom jeħilsuha ħafif minħabba “żbalji” tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubbliku li setgħu ġew evitati b’sempliċi verifika online permezz tal-website tal-Parlament ta’ Malta.

Il-Partit Nazzjonalista ser jibqa’ jinsisti li l-Prim Ministru, il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari jġorru r-responsabbilità għall-abbużi li jwettqu u mhu se jħalli lil ħadd jgħattilhom jew jiskużahom qisu xejn mhu xejn.