Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa, Joseph Chetcuti, tul il-jum tat-Tlieta wassal ċirkolari permezz ta’ e-mail lill-Istituzzjonijiet kollha fil-qasam tas-saħħa, kif ukoll lill-ħaddiema b’linji gwida ġodda biex jidentifikaw il-pazjenti b’mod ġust għal fini ta’ rekords mediċi.
Dan ġie żvelat mill-Avukat Jason Azzopardi fuq Facebook fejn f’din l-e-mail ingħad li kull ħaddiem għandu responsabbiltà li jikkonferma l-identità tal-pazjent qabel ma jsir xi tibdil fir-rekords mediċi, fosthom għandu jintalab in-numru tal-ID Card, isem u kunjom kif ukoll data ta’ twelid.
Dan filwaqt li għandu jintalab l-indirizz ta’ residenza, numru tal-mobile jew telephone tad-dar kif ukoll l-indirizz ta’ e-mail.
Fatti li ċertament huma ovvji, madanakollu, meta għandek is-Segretarju Permanenti jikteb dawn il-linji gwida iswed fuq l-abjad meta diversi ċittadini saru jafu li kien hemm min qed jagħmel użu mill-identità tagħhom, b’abbuż mir-rekords mediċi tagħhhom stess, hija wirja ċara li dawn l-affarijiet bażiċi, għal xi raġuni jew oħra, ma bdewx isiru.
Intqal ukoll li għal aktar aċċertamenti ta’ identifikazzjoni wieħed għandu jitlob il-liċenzja tas-sewqan u l-passaport – bl-Avukat Jason Azzopardi jgħid li għall-Isptar Mater Dei m’għadhiex biżżejjed l-ID Card.
Jason Azzopardi insista li hu dejjem qal il-verità u li din hija evidenza ta’ dan u allega li kemm il-Prim Ministru Robert Abela kif ukoll il-Ministru Jo Etienne Abela gidbu.
Azzopardi insista li din iċ-ċirkolari nħarġet għaliex huwa minnu li l-Ministru tas-Saħħa sab li nsterqet l-identità tal-Maltin.
Fl-aħħar nett, is-Segretarju Permanenti preċiża jgħid li mhux eskluż li min ma jsegwix ma’ dawn il-linji gwida mandatorji jittieħdu passi dixxiplinarji kontrih.
Stqarrija ironika għall-aħħar fid-dawl tal-fatt li s’issa, min iffaċilità tali abbuż li issa prattikament il-Gvern ammetta l-eżistenza tiegħu, għadhom ma ttieħdu ebda passi fil-konfront tiegħu jew tagħhom.
Dan wisq inqas sal-lum għadu ħadd ma refa’ xi tip ta’ responsabbiltà politika dwar dan kollu – waqt li bosta ċittadini Maltin u Għawdxin jinsabu f’riskju ta’ tbagħbis tar-rekords mediċi tagħhom – fost oħrajn raġel li f’ċentru tas-saħħa kienu qalulu li skont ir-rekords kien ilu rreġistrat medikalment mejjet tliet xhur.
//= $special ?>