Sport

Seba’ plejers jagħmluha mat-tim nazzjonali Malti wara rebħiet fil-finali

Il-Malta Blackball Federation organizzat il-ħames turnew ta’ kwalifikazzjoni għat-tazza tad-dinja 2024 li se ssir f’pajjiżna f’Novembru li ġej, fejn seba’ plejers rebħu l-kategorija rispettiva tagħhom.

Ryan Pisani mhux biss irnexxielu jirbaħ lil Claudio Cassar 10-7, iżda wkoll jikseb post mat-tim nazzjonali Malti tal-irġiel, l-istess bħalma għamlu r-rebbieħa l-oħra tal-finali li ntlagħbu fil-Fuego Speakeasy Arena, f’Birkirkara.

Fil-finali ta’ taħt it-23 sena, Clydon Attard xejn ma sabha faċli sabiex għeleb lil Casdy Vella 9-8, filwaqt li Nick Muscat għeleb faċilment lil Dielyn Edwards 9-1 fil-finali tal-Juniors.

Fil-kategoriji ta’ plejers ta’ esperjenza, Chris Tabone għeleb lil Joseph Tabone 10-5 fil-finali ta’ taħt l-40 sena filwaqt fil-Masters 50+ Chris Mills kellu jitħabat aktar milli mistenni sabiex rebaħ lil Jason Mangion 9-8.

Finalment fil-Grandmasters 60+, Joe Camilleri iddomina l-finali kontra Mark Debono tant li rebaħlu 8-2 filwaqt li fil-finali tan-nisa, Alexia Cassano kompliet bil-mument pożittiv tagħha wara li għelbet lil Amanda Mifsud 8-3.