Al-Hasnawi Makhlouf ta’ 21 sena, imwieled il-Libja, ġie kundannat seba’ xhur ħabs wara li ammetta li ħebb għal uffiċjali ta’ Transport Malta u għal uffiċjali tal-Pulizija fl-1 ta’ Settembru. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-6.15am. Huwa ġie mmultat ukoll €6,500.
Il-prosekuzzjoni qalet li l-Pulizija aġixxiet fuq rapporti li xi uffiċjali tal-Malta Public Transport bdew ikunu aggrediti fil-Park and Ride, fil-Marsa. Makhlouf qal li tilef il-mobile u li uffiċjali tal-Malta Public Transport ma ridux jiftħulu l-bieb. Għalhekk qabżitlu u tenna l-ħtija tiegħu u sostna li ddispjaċih ta’ dak li għamel għax ma kienx f’sensih.
Il-Qorti wissietu bil-konsegwenzi jekk jammetti. Huwa beda jistaqsi kemm se jeħel u l-Qorti qaltlu li dak tqisu hi. Is-seduta ġiet sospiża għal ftit mumenti biex l-akkużat jikkunsidra l-ammissjoni tiegħu. Huwa reġa’ tenna li hu ħati. U reġa’ qal li jiddispjaċih filwaqt li talab l-għajnuna tal-Qorti għax qal li għandu familja.
L-akkużat deher bi tbenġil fuq wiċċu. Fil-Qorti ġie ppreżentat ċertifikat mediku tal-imputat minħabba li kien eżaminat f’ċentru tas-saħħa. Meta marru l-Pulizija, huwa ħebb għalihom ukoll u l-prosekuzzjoni qalet li d-dispjaċir tal-vittma ma jiġġustifikax l-attakki tiegħu fuq il-Pulizija u l-uffiċjali pajżana.
Id-difiża qalet li l-atteġġjament tal-akkużat kien wieħed ta’ dispjaċir. L-akkużat ġie kkundananat seba’ xhur ħabs effettivi u multa ta’ €6,500 li jrid iħallas fi żmien tliet snin. Il-Qorti qaltlu li l-uffiċjali tal-Pulizija u uffiċjali oħrajn qed iwettqu dmirhom u jekk irid jikkontesta l-ordnijiet tagħhom jista’ jagħmel hekk f’fora oħrajn.
//= $special ?>