Żagħżugħ ingħata sentenza sospiża wara li ammetta kien involut fi ġlieda f’Paceville li wasslet biex raġel Taljan sofra ġrieħi gravi fi spalltu u f’wiċċu. Il-Pulizija xliet b’dawn ir-reati lil Iverson Pierre Danielle, mir-Repubblika Domenikana.
Fil-Qorti ħareġ li l-inċident seħħ wara ġlieda fi stabbiliment tad-divertiment f’Paceville. Fil-filmati li ġew elevati mill-kameras tas-sigurtà, il-Pulizija qalet li dehru grupp Taljani u l-imputat, b’aktar tard jagħti diversi daqqiet lil wieħed minnhom.
Il-Pulizija sostniet li Iverson Pierre Danielle deher “jiżvoga fil-vittma” wara li nqala’ argument bejniethom fuq tfajla. Kompliet tgħid li l-vittma kellu jittieħed l-Isptar Mater Dei għall-osservazzjoni wara li beda nieżel ammont sostanzjali ta’ demm minn imnieħru. Il-prosekuzzjoni ddikjarat li l-imputat ammetta wkoll mal-Pulizija li aggredixxa liż-żagħżugħ.
Fid-dawl tal-ammissjoni bikrija, id-difiża u l-prosekuzzjoni qablu u ddikjaraw f’dan l-istadju, piena ta’ ħabs għall-akkużat mhux idonea. Għaldaqstant, il-Maġistrat Nadia Helena Vella kkundannat lir-raġel sena ħabs sospiżi għal sentejn.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-ispettur Eman Hayman. L-akkużat deher assistit mill-avukat tal-għajnuna legali Ilona Schembri.
//= $special ?>