Lokali

“Tagħmel kemm tagħmel qatt mhu biżżejjed” – Lydia Abela dwar il-vjolenza domestika f’pajjiżna

Il-familja ta’ Nicolette Ghirxi trid li l-inkjesta indipendenti b’rabta mal-qtil tagħha, tkun waħda ħolistika, magħmula b’mod wiesgħa u sħiħ.

Dan intqal mill-familja stess wara laqgħa mal-Ministri Jonathan Attard, Byron Camilleri u Michael Falzon – bl-avukati tal-familja jisħqu li l-laqgħa kienet waħda pożittiva, bil-Gvern mhux jeskludi li jwessa’ t-termini tal-inkjesta msejħa mill-Ministru Falzon… li s’issa se tinvestiga biss l-aġir tal-FSWS.

Madanakollu, it-tim legali li qed jirrappreżenta l-familja saħaq li l-liġi tindika b’mod ċar li Ministru jista’ jsejjaħ inkjesta għal affarijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu biss, u huwa l-Prim Ministru l-uniku wieħed li jista’ jsejjaħ inkjesta għall-iskop li tixtieq il-familja ta’ Ghirxi.

B’rabta ma’ dan kollu staqsejna lil Lydia Abela, li fl-aħħar snin kemm-il darba indirizzat il-kwistjoni tal-vjolenza domestika – b’Abela tisħaq ma’ Net News li b’rabta ma’ dan is-suġġett tagħmel kemm tagħmel qatt mhuwa biżżejjed; iżda ħeġġet biex iċ-ċirkustanzi reali jiġu indirizzati.

Intant, mistoqsija għal liema raġuni l-Prim Ministru Robert Abela għadu ma sejjaħx hu inkjesta indipendenti biex jilqa’ l-appelli tal-familja ta’ Nicolette Ghirxi li nqatlet ftit inqas minn tliet ġimgħat ilu fir-residenza tagħha… Lydia Abela qalet li hi mhix il-Prim Ministru.

U minkejja l-istudju li sar mill-Università ta’ Malta b’rabta mas-suġġett, studju li kien tħalla għal żmien twil fuq l-ixkaffa min-naħa tal-Gvern Laburista, minkejja r-rapport tal-Inkjesta Valenzia li kien ikkonkluda li Bernice Cassar inqatlet mir-raġel tagħha għaliex l-istat kien falliha, minkejja l-ħafna kampanji u investimenti – u minkejja r-rapport ta’ Nicolette Ghirxi li għamlet mal-Pulizija tlett ijiem qabel inqatlet… it-talba tagħha, sa wara li spiċċat assassinata, kienet għadha qed tiġi proċessata.

Għaldaqstant bosta issa qed jistaqsu min, wara dan kollu, se jkun qed jerfa’ xi tip ta’ responsabbiltà – b’Lydia Abela tgħid biss li dan kollu jwassal għal dispjaċir u sogħba.