Il-Qorti ppreseduta mill-Magistrat Donatello Frendo Dimech, iddikjarat li hemm biżżejjed provi biex tmint irġiel u mara mixlijin bi traffikar ta’ persuni Kolumbjani għal skop ta’ prostituzzjoni, jitqiegħdu taħt att ta’ akkuża.
Sadanittant, tnejn mill-akkużati ngħataw il-pleġġ filwaqt li dan kien miċħud fil-konfront tas-seba’ l-oħra. L-akkużati huma Luke Farrugia ta’ 36 sena, ħaddiem tal-manutenzjoni minn Birkirkara; Clint Lawrence D’Amato, xufier mill-Gudja; Denzil Farrugia ta’ 19-il sena, impjegat ta’ ħanut tal-ikel minn Tas-Sliema; Alexandra Suhov Pocora, Rumena ta’ 32 sena minn San Pawl il-Baħar; Kane Vassallo, barbier ta’ 22 sena mis-Siġġiewi; Gordon Cassar, ħaddiem tal-manutenzjoni ta’ 44 sena mill-Kalkara; Luca Emanuele Corito ta’ 21 mill-Isla; Dylan McKay, xufier tat-taxi ta’ 30 sena mill-Fgura; u Nicolae Efimov ta’ 37 sena residenti San Pawl il-Baħar.
F’digriet li ngħata l-Erbgħa wara nofsinhar, il-Qorti tat il-ħelsien mill-arrest lil Luca Corito u Alexandra Pocora. Corito ġie meħlus mill-arrest, fuq depożitu ta’ €8,000 u garanzija personali ta’ €12,000, u ordnat jiffirma l-Għassa tal-Pulizija kuljum. Anke Pocora, kienet ordnata tiffirma l-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa u tiddepożita fil-Qorti s-somma ta’ €5,000 u tintrabat b’garanzija personali ta’ €15,000. It-tnejn kienu ordnati wkoll josservaw curfew.
L-Erbgħa kompliet il-kumpilazzjoni fejn is-seduta bdiet bil-kontro-eżami tal-ispettur John Spiteri. Id-difiża staqsiet diversi mistoqsijiet lill-ispettur dwar l-involviment tal-imputati f’dan iċ-ċirku ta’ kriminalità. Fir-rigward tal-akkużat Kane Vasssalo, l-ispettur wieġeb li Vassallo ma kellu l-ebda involviment fil-proċess ta’ vvjaġġar lejn Malta tat-tfajliet, iżda kien ikun konxju bil-wasla ta’ vittmi ġodda mill-Kolumbja u x-xogħol tagħhom fil-prostituzzjoni.
Ħareġ sa issa li l-grupp ta’ nisa Kolumbjani, allegati viitmi, kienu taw servizzi lil ‘il fuq minn 2,000 klijent f’perjodu ta’ tliet xhur. Waqt il-kontro-eżami l-ispettur qal li messaġġi fuq WhatsApp ikkonfermaw dan għaliex il-Pulizija sabet messaġġi li jindikaw li ġejjin tfajliet ġodda, li Kane Vassallo rreferi għalihom bħala ‘new stock’. Meta kif mistoqsi mid-difiża dwar Luca Corito, l-ispettur Spiteri qal li Corito wassal lil waħda mill-vittmi darba biss u dan wara li Denzil Farrugia ma setax jagħmel dan.
Dan ikkonfermah ukoll xhud li se jkun qed jixhed aktar tard fil-proċeduri, fejn se jispjega aħjar li dakinhar Luca Corito kien konxju li ħa jwassal lil waħda mill-vittmi għand klijenti sabiex tagħti servizzi sesswali. Għal dan it-traġit, il-Pulizija rriżultalha li żagħżugħ ta’ 21 sena rċieva pagament ta’ €400.
Mistoqsi dwar Gordon Cassar, l-ispettur wieġeb li l-Pulizija rriżultalha li f’inqas minn sentejn, Cassar irċieva s-somma ta’ €75,000 fil-kont bankarju tiegħu Revolut. Qal ukoll li l-flejjes kienu jidħlu fil-kont matul il-lejl, għalhekk x’aktarx meta t-tfajliet kienu jlestu minn mal-irġiel u trasferimenti kienu ta’ €55 kull darba, l-istess ammont li raġel kien jeħtieġ li jħallas biex jirċievi 30 minuta sess.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużati iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha minħabba li għad hemm bosta xhieda li jeħtieġ jinstemgħu. Kollox jindika li l-prosekuzzjoni se tkun qed itella’ mal-50 xhud fil-konfront tal-akkużati, fosthom il-fotografu li ħa r-ritratti lill-vittmi, persuna minn aġenzija tal-ivvjaggar kif ukoll uħud mill-irġiel li kisbu servizzi sesswali mingħand it-tfajliet.
L-avukati tal-AG Ramon Bonett Sladden u Charmaine Abdilla qed imexxu l-prosekuzzjoni flimkien mal-Ispetturi John Spiteri, Joseph Xerri u Dorianne Tabone. L-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri, Charles Mercieca, Roberto Montalto, Kathleen Calleja Grima, Joe Giglio, Michaela Giglio u Mario Mifsud assistew diversi imputati. L-avukati Lara Dimitrijevic u Stephanie Caruana dehru parte civile.
//= $special ?>