Internazzjonali

Il-Każ ta’ Grenfell: Responsabbiltà fuq il-Gvern

L-għeluq tal-inkjesta dwar it-traġedja tat-torri Grenfell, fejn mietu 72 persuna, tefgħet piż kbir u ħtija fuq il-Gvern Ingliż… flimkien ma’ nies fin-negozju li ġew deskritti bħala “diżonesti”.

Il-Kap ta’ din l-Inkjesta Martin Moore-Bick, qal li l-investigazzjoni tagħhom damet aktar milli suppost minħabba li kienu skoprew ħafna aktar problemi milli stennew.

Dan ir-rapport jindika li t-traġedja kienet riżultat ta’ fallimenti u problemi ta’ gvernijiet suċċessivi – problemi li ma ġewx indirrizati.

Dan, flimkien man-nuqqas ta’ strateġija min-naħa tas-servizz għal kontra n-nirien u kumpaniji li ma kenux onesti waqt l-ippjanar u l-iżvilupp ta’ dan it-torri; illi wassal għal difetti kbar fl-infrastruttura tal-binja.

It-torri Grenfell kien inħakem minn nirien fl-2017. U fit-traġedja kienu mietu 72 persuna. L-Inkjesta tindika li l-imwiet kollha setgħu jiġu evitati.

Intqal ukoll li r-residenti kienu abbandunati mis-servizzi tal-prevenzjoni tan-nirien, u kien hemm falliment min-naħa tal-kunsill lokali.

Minbarra dan, instab illi ilkumpanija tal-periti involuti f’dan il-proġett ma kellha ebda esperjenza fl-industrija.