Sport Waterpolo

It-tim Malti ta’ taħt id-19-il sena jiksbu l-ewwel rebħa fil-Kampjonati Ewropej

Slovenia-Malta

It-tim nazzjonali Malta tal-waterpolo ta’ taħt id-19-il sena kisbu l-ewwel rebħa fil-Kampjonati Ewropej meta għelbu lill-Islovenja 16-8. Din kienet rebħa komda għat-tim ta’ Milan Cirovic u kellhom bżonn jirrispondu wara t-telfiet kontra l-Olanda, it-Turkija u Franza.

Fil-fażi li jmiss Malta se tkun qed tilgħab kontra Franza jew ir-Repubblika Ċeka għall-play-off għat-13 u l-14-il post.

Alec Fenech kien protagonista għat-tim Malti fl-ewwel sessjoni hekk kif skorja hat-trick, bil-gowls l-oħra jaslu minn Jake Cachia, Luigi Mallia u Luigi Dimech.

Fit-tieni sessjoni, l-Isloveni wettqu reazzjoni u daħlu fil-partita b’gowls minn Tim Kacic u Jruij Seljak. Fit-tielet sessjoni t-tim Malti reġa’ ħa r-riedi tal-partita f’idejh u kien Jayden Cutajar li reġa’ fetaħ vantaġġ ta’ tliet gowls. Il-plejers Maltin bdew jiddefendu aħjar u naqqsu kemm setgħu l-attakki Sloveni. It-tim Malti sa tmiem is-sessjoni fetħu vantaġġ ta’ ħames gowls permezz ta’ Dean Bugeja u Luigi Dimech.

Fl-aħħar sessjoni, Alec Fenech skorja darbtejn oħra u żiedu l-vantaġġ għal 13-7. Lejn it-tmiem il-Maltin komplew iżidu l-iskor u kienu gowls ta’ Luigi Dimech, Luigi Mallia u Julian Chircop li għamlu l-iskor finali 16-8.