Waqgħu l-akkużi fil-konfront ta’ carer ta’ 25 sena li f’Awwissu nżamm arrestat wara li fil-Qorti kien mixli b’żewġ episodji ta’ stupru fuq l-eks mara tiegħu u omm iż-żewġt uliedu. L-akkużat Filippin, li joqgħod l-Imsida, kien wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Quddiem il-Magistart Abigail Critien, il-mara kienet mitluba tixhed fil-konfront tar-raġel u tispjega dak li hi allegat mal-Pulizija. Madanakollu, il-mara ċaħdet li tagħmel dan minħabba wliedhom filwaqt li ddikjarat li tixtieq tagħtih ċans ieħor għax fil-passat kien għamel affarijiet tajbin għall-familja tagħhom.
Il-Maġistrat Critien tatha ħin biżżejjed biex terġa’ tikkunsidra din id-decizjoni iżda mill-ġdid il-mara insistit li ma tridx tixhed. Meta raġel tressaq il-Qorti l-ewwel darba, allega li r-rapport fil-konfront tieghu kien wieħed vendikattiv għaliex l-eks mara tiegħu riedet teħles minnu wara li daħlet f’relazzjoni ġdida.
Meta kien tressaq ix-xahar li għadda, l-Ispettur tal-Pulizija Colin Sheldon, li mexxew il-prosekuzzjoni flimkien mal-avukat Cynthia Tomasuolo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, kienu qalu lill-Qorti li l-imputat kien ilu ħames snin f’relazzjoni mal-allegata vittma.
Fid-dawl tal-fatt li l-mara ma ridietx tixhed, il-Magistart Abigail Critien illiberat lir-raġel minn kull akkuża fil-konfront tiegħu.
Għall-akkużat dehru l-avukati Josè Herrera, Alex Scerri Herrera u Martina Herrera.
//= $special ?>