Jinsabu fl-aqwa tagħhom il-preparamenti għat-32 edizzjoni tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza – konkors ta’ livell għoli tant li ħafna jkunu qed jistennewh minn sena għall-oħra.
Dan il-konkors, organizzat minn Net Media, ser jilqa’ 20 kantant u kantanta li ser jikkompetu għall-ewwel post u għal bosta premjijiet sbieħ, f’serata li ser issir nhar il-Ħadd, 8 ta’ Settembru, f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, il-Belt Valletta.
Valerie Vella, Eileen Montesin, Christine Haber u Louise Tedesco se jkunu l-preżentaturi tal-Konkors Kanzuntta Indipendenza ta’ din is-sena.
Il-Konkors huwa avveniment ta’ festa tat-talent lokali fejn il-parteċipanti kollha jkantaw kanzunetta oriġinali bil-Malti.
Net News tkellem maċ-Chief Operations Officer ta’ Net Media, Karl Gouder, fejn spjegalna iktar dwar dan il-Konkors.
Il-preżentaturi ta’ din is-sena huma erba’ nisa b’ħafna esperjenza fix-xena tad-divertiment li lkoll ippreżentaw ħafna programmi kemm fuq it-televiżjoni kif ukoll fuq ir-radju, u li huma maħbuba ferm mill-Maltin u l-Għawdxin.
Wieħed mill-organizzaturi, Josef Fitzpatrick, qal magħna li t-tħejjijiet waslu fl-aħħar tagħhom sabiex jittella’ dan il-Konkors.
Il-finali ta’ din is-sena tinkludi 20 kanzunetta oriġinali u l-avveniment jixxandar ukoll b’mod dirett fuq Net Television.
Wieħed jista’ jakkwista l-biljett tiegħu minn fuq showshappening.com jew mid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>