Anzjan Ingliż li huwa miżżewweġ, ta rakkont xokkanti dwar kif tlett irġiel ħadulu mas-€37,000 wara li hu kien qed imur ma’ mara biex jingħata servizzi sesswali u li anke spiċċa biex ġie msawwat sakemm ma felaħx aktar f’saga li damet sejra għal aktar minn sentejn. Huwa qal li kien qed jiġi rikattat minn dawn il-persuni biex jibqa’ jagħtihom il-flus.
L-Ingliż li joqgħod in-Naxxar u li huwa minn Londra, dam jixhed għal aktar minn erba’ sigħat fis-sigrieta tal-Maġistrat bid-difiża u l-prosekuzzjoni u dawk preżenti jsegwu minn fuq monitor permezz ta’ video conference, u dan biex l-allegat vittma ma jkunx fil-preżenza tal-akkużati wara l-allegat trawma li għadda minnha. Huwa rrakkonta kif l-irġiel heddew li jqattgħulu subgħajh u jistupraw lil martu u lil bintu jekk jazzarda jgħid lill-Pulizija.
Dan ħareġ meta kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ tliet irġiel u tliet nisa mixlija b’rikatt relatat ma’ prostituzzjoni f’każ li kien ilu għaddej minn Jannar tal-2022 sa ftit qabel is-sajf li għadda. L-allegat vittma, li huwa Ingliż anzjan, spiċċa biex ittiħdulu €37,000 fi flus u qala’ xeba’, allegatament minn tlieta mis-sitt akkużati li ġew mixlija wkoll li żammew lill-vittma kontra l-volontà tiegħu.
Clyde Mallia ta’ 24 sena u ħuh Mario Mallia ta’ 25 sena minn Ħal Għaxaq, Massimo Fasanelli ta’ 25 sena minn Marsascala, Chanelle Spiteri ta’ 24 sena mill-Imtarfa, Xasnolley Schembri ta’ 18-il sena mill-Marsa, u ommha Christine Schembri ta’ 41 sena mill-Marsa, huma l-persuni akkużati.
Mallia u Fasanelli qed jiġu mixlija wkoll b’serq aggravat ta’ karozza tal-Ingliż u li żammewh kontra l-volontà tiegħu. Kemm l-aħwa Mallia kif ukoll Fasanelli ġew mixlija wkoll b’serq aggravat ta’ arloġġ u apparat elettroniku mingħand il-vittma, li weġġgħuh gravi fil-proċess. Fasanelli kompla jiġi mixli, flimkien ma’ Clyde u Mario Mallia, b’estorsjoni ta’ €33,000 u żamm lill-vittma kontra l-volontà tiegħu.
Clyde Mallia u Mario Mallia qed jiġu mixlija wkoll li kisru l-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja. Fasanelli ġie mixli li kiser tliet settijiet ta’ kundizzjonijiet ta’ pleġġ. Is-sitt imputati kollha ġew akkużati wkoll b’ħasil ta’ flus.
Kien fl-4 ta’ Ġunju li għadda li l-allegat vittma informa lill-Pulizija fuq każ ta’ estorsjoni li kien qed isir fil-konfront tiegħu. Huwa qal lill-Pulizija dwar dak kollu li kien għaddej minnu. Huwa tkellem dwar il-vjolenza fiżika u theddid verbali, bi tlieta mill-akkużati, l-aħwa Clyde u Mario Mallia u l-ħabib tagħhom Massimo Fasanelli kienu l-arteċifi.
Huwa qal li laqgħat oħra ma’ Chanelle Spiteri, oħra mill-imputati, kienu ta’ tip differenti. Ir-raġel kien ġie introdott lil Spiteri minn omm Mallia. Huwa kien jiltaqa’ maż-żewġ nisa separatament għas-servizzi sesswali.
Ix-xhud qal li hu qatt ma ltaqa’ mal-akkużati Christine u Xasnolley Schembri. L-allegat involviment tagħhom fir-rikatt kien li jirċievu fondi mgħoddija mill-kont tiegħu għall-kontijiet tagħhom taħt ordnijiet ta’ Clyde Mallia.
Ix-xhud qal li kollox beda fis-26 ta’ Jannar 2022 meta omm l-aħwa Mallia, li hu rrefera għaliha b’affezzjoni bħala “Lucy” bagħtitlu messaġġ, u talbitu jsuqha lejn iċ-Ċentru Detox fejn kienet tmur għall-kura. Huwa kien iltaqa’ għall-ewwel darba mal-mara fl-2007 waqt li kien għaddej minn Triq Testaferrata. “Dehret sabiħa. Libsa sabiħa. Iddeċidejt li nieqaf,” qal ix-xhud, waqt li rrakkonta dik l-ewwel laqgħa mal-mara.
Inkontru ma’ prostitu u wasslet għar-rispett reċiproku
Huma marru fil-kamra tagħha u dakinhar kellhom x’jaqsmu sesswalment. Għal diversi snin kien jara lil Lucy f’dik iz-zona. It-tnejn komplew jiltaqgħu u r-relazzjoni tagħhom żviluppat minn waħda li kienet purament “għas-servizzi”, għal “rispett reċiproku,” qal l-Ingliż.
Kien għalhekk li ġieli ndaħal biex jgħin meta ‘Lucy’ titlobu xi għajnuna. F’dak il-jum ta’ Jannar 2022, huwa ċemplilha fid-dar tagħha ta’ Ħal Għaxaq, u ħadha d-detox u lura. Imbagħad telgħu fuq flimkien fil-kamra tagħha.
Wara ftit minuti nqalgħet kommossjoni barra u żewġt irġiel daħlu fil-kamra. Kienu wlied Lucy, Mario u Clyde. L-aħwa għajtu miegħu bil-Malti, u mbuttawh fuq is-sodda. Clyde kellu sikkina tal-kċina ta’ 25 ċentimetru f’idejh u hedded li jaqtagħlu subgħajh.
Kienu “rġiel ta’ theddida kbira,” qal ix-xhud, u żied li dak iż-żmien kien “imbeżża’ ħafna”. Huwa qal li Mario tah daqqa ta’ ras fuq in-naħa tal-lemin ta’ rasu għal diversi drabi. Għalkemm ma ntilfix minn sensih, waqa’ fuq is-sodda. Jiem wara, huwa kien għad kellu tbenġil fuq in-naħa tal-lemin mill-kustilji sa saqajh bl-aggressjoni.
L-aħwa qabdu l-mobile u ordnawlu jittrasferixxi €5,000 fil-kont ta’ Spiteri. Iżda mbagħad kabbru t-talba tagħhom għal €14,000 meta raw il-bilanċ tal-kont tiegħu. “Kont ħafna taħt stress. Ħsibt li nerġa’ niġi msawwat. Ma kelli l-ebda għażla. Ma kontx f’pożizzjoni li nargumenta,” qal ix-xhud.
L-aħwa ħarġu mid-dar bil-mobile tiegħu, karti bankarji u ċavetta tal-karozza. Waqt li kienu barra, ommhom bdiet timsaħlu rasu kollha demm b’ċarruta niedja. Nofs siegħa wara, l-aħwa rritornaw. “Jekk tmur għand il-Pulizija, martek u bintek jiġu stuprati,” wissewh. Huwa ħa l-affarijiet tiegħu u saq ‘l hemm.
Ftit ġimgħat wara, saħħtu marret għall-agħar u ttieħed l-isptar. It-tobba qalu lill-familja tiegħu li moħħu kien qed joħroġ minnu d-demm b’riżultat ta’ xi ferita ripetittiva f’rasu. Il-familja tiegħu ħasbet li seta’ ħabbat rasu mal-cooker għax kien iħobb isajjar.
Ftit xhur wara, huwa reġa ‘beda jiltaqa’ ma ‘Lucy u Chanelle “għas-servizzi” seswali iżda l-laqgħat ma’ Chanelle ma kenux ta’ spiss għax kienet tqila. Meta tkellem dwar x’seħħ aktar riċenti – għat-18 ta’ Mejju 2024 – il-vittma qal li kien qed jistenna lil Chanelle qrib id-dar tagħha fir-Rabat meta karozza b’ċerta veloċità waqfet ħdejn il-karozza tiegħu.
Spiċċa anke ‘tasered’
Tliet irġiel ħarġu ‘l barra. Huwa mill-ewwel għaraf lill-aħwa Mallia u raġel ieħor, li aktar tard ġie identifikat bħala Fasanelli. Huma daħlu fil-karozza tiegħu, ordnawlu joqgħod fuq wara u saqu malajr lejn Ħal Għaxaq. Lura fid-dar tal-aħwa – ommhom ‘Lucy’ fejn minn dakinhar ‘l hawn kienet mietet – kien ‘tasered; minn Mario.
“Għidtlu li sofrejt minn kundizzjoni tal-qalb wara l-ewwel battikata. Iżda xorta ma waqfux.” Imbagħad Clyde talab €17,000. Meta qalilhom li ma kellux daqshekk flus, it-tliet irġiel daħħluh fil-karozza tiegħu u saquh lejn id-dar tiegħu.
Fasanelli talab li jara filmati li l-vittma kien iffilmja lilu nniffsu nnifsu ma’ Lucy u Chanelle, bil-kunsens tagħhom. Huwa dderieġa lill-aggressuri tiegħu għall-filmati fuq mejda tal-kafè. Imbagħad ra lil Fasanelli “liebes ingwanti”, ħa arloġġ Seiko li jiswa’ l-flus, u flus kontanti minn komodina.
Fasanelli qallu biex jgħid lil martu li kellu bżonn il-karta ta’ kreditu tal-bank tagħha biex iħallas €1,000 f’danni kkawżati lill-Mercedes ta’ Fasanelli. Dan, qal ix-xhud, kienet “biss ħadma” biex iġib il-karta ta’ kreditu tal-mara u mbagħad jittrasferixxi €17,000 mitluba mir-rikattaturi tiegħu.
Ix-xhud eventwalment ħa l-karta ta’ kreditu ta’ martu wara li ċemplilha f’dar ta’ ħabib tagħha, u saq id-dar tagħha aktar tard dakinhar.
Mhedded li se juru vidjows pornografiċi lil martu
Ix-xhud qal li ftit tal-ħin wara Clyde Mallia kabbar it-talba tal-flus għal €22,000 u hedded li juri l-filmati pornografiċi lil martu. Huwa ħallas il-flus wara diversi żjarat fil-bank u diversi tranżazzjonijiet. Huwa ħaseb li dak kien it-tmiem tiegħu, iżda fl-1 ta’ Ġunju, Clyde reġa’ tfaċċa, u talbu €40,000.
Huwa qal li kien ra dawk il-filmati u “ħassu se jiġġennen.” Clyde reġa’ hedded li joqtlu, u beda jagħtih ħjiel dwar il-“mafja” u qal li kellu ħbieb Afrikani u Serbi. Il-vittma wieġeb li ma kellux dawk it-tip ta’ flus u Clyde fil-pront seraqlu l-karozza.
Ftit jiem wara, il-mobile tal-vittma daqq fl-4am b’aktar theddid. Dakinhar, qal ix-xhud iddeċieda li jgħid lil martu x’kien għaddej, u ħadha f'”post sigur.” Huwa mar ukoll għand l-avukat tiegħu, u fetaħ qalbu miegħu dwar il-kalvarju li kien għaddej minnu u finalment għamel rapport fl-għassa tal-Belt Valletta.
Huwa qal li ħallas somma globali ta’ €37,000. Taħt kontroeżami, ix-xhud qal li qatt ma pprova jiġbor il-flus għax “kien inutli.” Huwa kkonferma wkoll li kien iżur lil Lucy fl-aħħar jiem tagħha l-isptar, u taha xi flus għal snacks. Iżda huwa ċaħad li xtara d-droga tagħha.
L-allegat vittma, ikkonferma li dawk li aggredewh kienu l-aħwa Mallia. Il-prosekuzzjoni qalet li l-allegat vittma qalilhom ukoll li wara għaddew is-snin wara dan l-inċident, f’Mejju ta’ din is-sena reġa’ beda theddid u mal-aħwa żdied Massimo Fasanelli, li kien li beda jheddu.
Diversi transfers saru minn fuq revolut u dawn lejn l-omm u l-bint. Meta kien xehed l-Ispettur Stephan Gulia kien qal li hu għamel l-istħarriġ neċessarju fuq CCTV cameras u anke fuq il-kontijiet bankarji u t-trasferimenti li saru, u l-istorja kienet qed taqbel perfettament ma’ dak li kien qalilhom l-allegat vittma.
Tenna li nfetħet inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Joseph Mifsud fejn għall-ewwel ħareġ mandat ta’ arrest fil-konfront ta’ seba’ persuni, li niżlu għal sitta minħabba li fuq wieħed ma kien hemm xejn.
L-ewwel kienu ġew arrestati l-omm u l-bint mid-dar tagħhom fil-Marsa, wara l-aħwa Mallia. Sussegwentement ġiet arrestata Chanelle Spiteri u anke Massimo Fasanelli, li qal li anke pprova jaħrab lill-Pulizija u nqabad wara fil-Mosta.
Clyde Mallia kien ġie arrestat mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin minħabba li kien jinsab il-ħabs fuq każ ieħor. Dwar il-flus li rċeviet Chanelle Spiteri, il-prosekutur kien qal li dawn intefqu.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati tal-AG Darlene Grima u Charmaine Abdilla flimkien mal-Ispetturi Stephen Gulia u Andrew Agius Bonello.
L-avukati Franco Debono u Adreana Zammit kienu avukati tal-aħwa Mallia. Herman Mula kien konsulent ta’ Fasanelli. Mario u Nicholas Mifsud kienu konsulenti tal-omm u l-bint Schembri. Francesca Zarb kienet konsulenta ta’ Spiteri. Michael Sciriha u Roberto Spiteri dehru għall-vittma.
Il-kumpilazzjoni tkompli fl-14 ta’ Ottubru fid-9.30am.
//= $special ?>