Lokali

L-ebda tweġiba ċara jekk hux se naraw tibdil fil-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna

Iktar imsieħba soċjali qed joħorġu b’għajta waħda favur tibdil fil-mudell ekonomiku hekk kif kemm il-poplu u anke n-negozji qed ibatu minn dan kollu.

Fil-preżentazzjoni tal-proposti li bdew jiġu ppreżentati għall-Budget 2025, l-imsieħba soċjali enfasizzaw il-ħtieġa għal viżjoni ekonomika ċara fost l-imsieħba soċjali. Dawn il-proposti kellhom l-għan li jiżguraw tkabbir ekonomiku bilanċjat, il-kompetittività, u l-iżvilupp soċjali filwaqt li tinżamm ir-responsabbiltà fiskali fil-Budget.

Fil-fatt, huma tkellmu fuq taxxa iktar ġusta u għaqal fl-ispiża tal-Gvern, investiment fl-infrastruttura tal-kura tas-saħħa, l-iżgurar ta’ governanza tajba għal użu aktar effiċjenti u effettiv tal-fondi tal-UE, il-promozzjoni ta’ turiżmu ta’ kwalità, u l-indirizzar tal-kwistjonijiet tat-traffiku.

F’kelma oħra, tibdil mill-qiegħ. Iżda, minkejja li dawn l-appelli ilhom isiru għal snin sħaħ, u minkejja li l-Gvern Laburista ilu jwiegħed tibdil minn budget għal ieħor, s’issa smajna biss paroli u l-ebda azzjoni.

Bil-Ministru Clifton Grima jgħid li bħalissa għaddejjin bil-laqgħat mal-istakeholders, xi ħaġa li hija l-prassi, iżda ma kkommettix ruħu għal xi forma ta’ tibdil.

Apparti li ma tkellimx x’miżuri se jkunu qed jittieħdu, wisq inqas ma ta timeline dwar meta pajjiżna se jibda jara xi forma ta’ tibdil.

Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana kien qal li l-Gvern se jkun qed iressaq pjan fiskali fuq terminu medju lill-Kummissjoni Ewropea sal-20 ta’ Settembru. Dan, fl-ambitu tal-fatt li bħalissa l-Gvern jinsab taħt il-morsa ta’ excessive deficit procedure.

Il-Partit Nazzjonalista ilu snin sħaħ jinsisti dwar il-ħtieġa ta’ mudell ekonomiku differenti għal pajjiżna hekk kif spiċċajna niddependu minn ħaddiema impurtati mingħajr ebda preparazzjoni u kontro-miżuri; tant li issa qed inbatu minn konsegwenzi ta’ popolazzjoni u turiżmu li sploda bl-addoċċ.

Bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech mhux biss offra soluzzjonijiet iżda saħansitra ressaq diversi proposti dwar kif pajjiżna jista’ jkollu kwalità ta’ ħajja aħjar u kif il-pagi jistgħu jitjiebu permezz tal-ħolqien ta’ settur ġodda li joffru jobs aħjar għall-ħaddiema. Iżda, il-Gvern Laburista qed jibqa’ ma jagħtix widen dwar kemm din is-sitwazzjoni hi waħda serja.