Raġel li bbenefika minn tnaqqis ta’ sentenza bi tpattija għax-xhieda tiegħu kontra l-kompliċi tiegħu f’operazzjoni ta’ importazzjoni tad-droga fl-2020, ġie akkużat wara li allegatament ta verżjoni falza ta’ avvenimenti fuq il-pedana tax-xhieda f’dawk il-proċeduri.
L-impjegat taI-Gaming, Chariton Papadas, ċittadin Grieg ta’ 33 sena li jgħix is-Swieqi tressaq quddiem il-Maġistrat Victor Axia, l-Erbgħa, kien akkużat li xjentement għamel akkuża falza quddiem awtorità kompetenti kif ukoll li ta evidenza falza fi proċeduri kriminali għal reat pubbliċi b’aktar minn sentejn ħabs, li għamel ġurament falz quddiem Qorti u li ffabbrika provi sabiex xi ħadd jiġi akkużat inġustament b’reat li ma kienx wettaq.
Papadas wieġeb mhux ħati tal-akkużi. L-Ispettur Mark Anthony Mercieca qal lill-Qorti li fit-23 ta’ Frar, 2022, l-imputat u raġel ieħor kienu ġew arrestati b’rabta mal-importazzjoni kbira tad-droga f’Malta. L-irġiel ġew arrestati wara li ġie skopert pakkett li kien fih tliet kilos ħaxixa tal-kannabis fiċ-ċentru tal-UPS, f’Ħal Luqa.
Fl-ewwel stqarrija tiegħu lill-Pulizija, Papadas kien semma individwi oħra bħala involuti fid-delitt, u rċieva piena mnaqqsa wara li aċċetta li jixhed kontra l-allegati kompliċi tiegħu fil-proċeduri relatati. Iżda meta Papadas kien tela’ fuq il-pedana tax-xhieda fil-każ kontra l-kompliċi Ahmed Walid Askarzada, kien biddel il-kont tiegħu kompletament, qal l-ispettur.
Ir-raġel tressaq il-Qorti wara investigazzjoni tal-Pulizija dwar il-kwistjoni. Wara li wieġeb mhux ħati, l-avukat difensur Charmaine Cherrett infurmat lill-Qorti li l-libertà proviżorja ma kinitx se tintalab f’dan l-istadju. Papadas għalhekk inżamm taħt arrest preventiv.
//= $special ?>