Numru ta’ persuni sfaw maqtula wara attakk ieħor mill-armata Russa, din id-darba lejn il-Punent tal-Ukrajna. Fost il-vittmi kien hemm ukoll tlett itfal li tilfu ħajjithom – bis-Sindku ta’ Lviv jikkonferma li nqatlet tarbija, tifla ta’ 9 snin u oħra ta’ 14-il sena.
Ir-raids mir-Russi fuq il-belt ta’ Lviv seħħew matul il-lejl, u ġurnata wara l-massakru ta’ Poltava – fejn inqatlu aktar minn 50 persuna.
Din ir-ritaljazzjoni b’saħħitha qed issir wara li l-Ukreni ilhom jiem sħaħ javvanzaw fit-territorju Russu fir-reġjun ta’ Kursk. F’dawn l-attakki fuq Lviv indarbu numru kbir ta’ persuni ċivili. U mhux eskluż li r-raids ikomplu fis-sigħat li ġejjin.
Apparti f’Lviv, kien hemm ukoll attakki fuq Kiev, fejn ir-Russi użaw drones u missili ipersoniċi.
Intant, l-aħħar attakki tal-Kremlin qanqlu wkoll tħassib kbir fil-Polonja. Dan minħabba li Lviv tinsab mas-70 kilometru biss lil hinn mill-fruntiera tal-Punent.
Apparti minn hekk, kompliet tikber il-pressjoni fuq il-Gvern ta’ Kiev. Tant li Zelensky kellu r-riżenja diġà tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Dmytro Kuleba.
//= $special ?>