Sport

Aktar rebħ ta’ midalji fil-Logħob Paralimpiku

Fiċ-ċikliżmu, wara li kien rebaħ il-kompetizzjoni fil-kors, għal Franza Alexandre Léauté rebaħ it-tellieqa individwali kontra l-ħin fil-kategorija C2 . Huwa temm f’19-il minuta u 24.45 sekondi li kien distakk ta’ 2.16 sekondi minn Ewout Vromant tal-Belġju, u 15.63 sekondi fuq Darren Hicks tal-Awstralja. Is-suċċess ta’ Leaute wassal għar-rebħ tat-tnax-il medalja tad-deheb għal Franza li kien b’hekk inqabeż in-numru ta’ midalji mirbuħa fil-Logħob Paralimpikim ta’ Tokjo fl-2021.

Aktar titli

Iċ-ċiklista Amerikana mwieldha fl-Ukrajna Oksana Masters u ċ-champion Paralimpika tar-Renju Unit Sarah Storey, żiedu aktar titli mas-suċċessi tagħhom b’rebħiet fit-tellieqa kontra l-ħin. Sarah Storey rebħet f’20 minuta u 22.15 sekondi.

Masters, li twieldet l-Ukrajna b’difetti tat-twelid sinifikanti li huma maħsuba li huma marbuta mad-diżastru nukleari ta’ Chernobyl, rebħet is-seba’ medalja tad-deheb fil-Logħob Paralimpiku tal-karriera tagħha meta rebħet il-kategorija H4-5 fi 23 minuta 45.20 sekondi.

Suċċess għaċ-Ċina fl-isparar

Yang Chao taċ-Ċina rebaħ il-medalja tad-deheb fil-kategorija SH1 tal-pistola fuq distanza ta’ 50 metru fiċ-Ċentru tal-Isparar, f’Chateauroux. Yang Chao kiseb total ta’ 220.1 punti. Fit-tieni post għall-Uzbekistan b’215.3 punti u b’midalja tal-fidda għal Server Ibragimov filwaqt li midalja tal-bronż intrebħet minn Davide Franceschetti tal-Italja b’199.7 punti.

Jiddominaw fil-powerlifting

Atleti miċ-Ċina ddominaw l-ewwel ġurnata ta’ kompetizzjoni tal-powerlifting fil-Logħob Paralimpiku. Guo Lingling tejjbet ir-rekord dinji tagħha fil-klassi ta’ 45kg, meta refgħet total ta’ 123kg. L-atleta oħra mic-Cina, Cui Zhe kisret ir- rekord Paralimpiku fil-kategorija ta’ 41kg meta refgħet  kważi tliet darbiet il-piż tagħha f’total ta’ 119kg, Esther Nworgu tan-Niġerja kisbet il-midalja tal-fidda minkejja li jumejn ilu żlokat l-ispalla.