Lokali

Clifton Grima jberbaq ‘il fuq minn €120,000 mit-taxxi tal-poplu

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima berbaq ‘il fuq minn €135,000 mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi fuq żewġ karozzi lussużi, kif ukoll biex mar disat ijiem Pariġi fi żmien l-Olimpjadi.

Dan ġie żvelat f’artiklu tat-Times of Malta, fejn intqal li fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ din il-ġimgħa ġiet ippubblikata lista ta’ direct orders.

Din il-lista turi kif il-Ministru Clifton Grima nefaq ‘il fuq minn €14,600 biex flimkien mal-Kap tas-Segretarjat marru disat ijiem f’lukanda f’Pariġi waqt l-Olimpjadi li kienu qed isiru f’din il-belt f’nofs is-sajf.

Din in-nefqa ta’ Clifton Grima u l-Kap tas-Segretarjat tiegħu tinkludi żewġ kmamar f’lukanda ta’ 4 stilel, breakfast kif ukoll it-taxxa tal-belt – bil-Ministru tal-Edukazzjoni qed jgħid li din iż-żjara kienet essenzjali minħabba numru ta’ avvenimenti li kellu jattendi. Għalkemm ħadd għadu ma jaf bl-eżatt għaliex kellu jqatta’ disat ijiem sħaħ f’Pariġi.

Apparti din iż-żjara, żewġ delegazzjonijiet oħra wkoll ġew jiswew eluf ta’ ewro hekk kif ħames biljetti tal-ajru għaċ-Ċina ammontaw għal kważi €20,000 filwaqt li sitt biljetti għall-Estonja ammontaw għal €16,500.

Bit-Times tgħid li meta wieħed jakkwista dawn il-biljetti b’mod normali l-ammont jiġi ferm inqas minn dak li ntefaq mill-Gvern.

Il-lista ta’ direct orders tinkludi wkoll nefqa ta’ aktar minn €120,000 fuq żewġ karozzi lussużi; b’waħda minnhom biex isservi bħala l-karozza ministerjali ta’ Grima, u l-oħra għas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Matthew Vella.