Internazzjonali

Franza: Michel Barnier jassumi r-rwol ta’ Prim Ministru wara ġimgħat ta’ staġnar politiku

Il-Presidnt Franċiż, Emmanuel Macron, ħatar lil Michel Barnier bħala Prim Ministru ta’ Franza – bil-konferma tingħata kważi xahrejn wara l-elezzjonijiet ġenerali bikrija fil-pajjiż li rriżultaw fi staġnar politiku.

Fil-fatt, Barnier, li għandu 73 sena, diġà assuma r-rwol uffiċjalment u meta sar l-aktar Prim Ministru anzjan f’dan il-pajjiż mindu twaqqfet il-Ħames Repubblika Franċiża fl-1958.

Barnier qal li l-pajjiż jinsab f’salib it-toroq u li hu se jidħol għall-impenji ta’ Prim Ministru b’sens kbir ta’ umiltà. U b’referenza għall-problemi politiċi fil-pajjiż, Barnier qal li l-partiti Franċiżi kollha ħaqqhom ikunu rispettati u li hu se jkun qed jisma’ u jevalwa dak kollu li għandhom xi jgħidu

Michel Barnier kiseb ukoll fama bħala l-eks negozjatur ewlieni tal-Unjoni Ewropea waqt is-sitwazzjoni ta’ Brexit – il-proċess li bih, ir-Renju Unit ma baqax jifforma parti mill-grupp ta’ Stati Ewropej. Hu, intant, kien protagonista ewlieni fin-negozjati diffiċli mal-Gvern Britanniku li damu għaddejjin mill-2016 sal-2019.

Hu anki minnu li Barnier, veteran tal-Partit Repubblikan (LR) tal-lemin, kien jokkupa diversi karigi oħra ewlenin sew f’pajjiżu kif ukoll fuq livell Ewropew.

Intant, hu, issa, jeħtieġ li jifforma Gvern li jkollu jiffunzjona f’sitwazzjoni fejn l-Assemblea Nazzjonali ta’ Pariġi tinsab maqsuma fi tliet entitajiet politiċi – bl-ebda waħda ma tista’ tifforma maġġoranza ċara.

Barnier laħaq Prim Ministru minflok Gabriel Attal, li kien sar l-iżgħar Prim Ministru li qatt kellha Franza wara li nħatar fil-kariga fl-ewwel xhur ta’ din is-sena.

Iżda s-sitwazzjoni politika fi Franza xorta baqgħet delikata, bl-osservaturi jemmnu li Barnier mal-ewwel għandu jiffaċċja l-intoppi; bl-għażla tiegħu bħala Prim Ministru diġà qed tikkaġuna ‘rabja u reżistenza’ fost il-membri tal-Front Popolari Ġdid – l-Alleanza tax-xellug li rebħet l-aktar siġġijiet fl-elezzjonijiet ta’ Lulju.

L-akbar rabja qed jesprimiha Jean-Luc Mélenchon, il-Kap tal-Partit radikali bl-isem ‘Franza Mhix Megħluba’ u li hu l-akbar entità fost l-erba’ partiti li jikkostitwixxu lill-Front Popolari Ġdid. Dan waqt li Mélenchon qed jinsisti kontinwament li ‘l-elezzjoni ta’ Lulju nsterqet lill-poplu Franċiż bl-aktar mod sfaċċat’.

Argument ieħor imressaq minn Melanchon hu li Prim Ministru ġdid, bix-xieraq, kellu jintgħażel mill-Alleanza li spiċċat l-akbar forza politika fi Franza – u meta l-President Macron, minflok, għażel ‘membru ta’ partit li spiċċa l-aħħar fl-elezzjonijiet ġenerali’.

U fl-aħħar sigħat, Luc Mélenchon sejjaħ biex il-poplu, għada s-Sibt, jissieħeb fi protesta organizzata mill-partitarji tax-xellug biex, flimkien, jesprimu l-oppożizzjoni għall-għażla ta’ Michel Barnier bħala Prim Ministru.