Internazzjonali

Il-Ġermanja: Il-massakru tal-Olimpjadi tal-1972 ‘imfakkar’ b’azzjoni vjolenti u antisemitika

L-awtoritajiet fi Munich qed jinvestigaw azzjoni allarmanti li qed tidher relatata mal-mewġa ta’ antisemitiżmu li ħakmet lill-Ewropa matul is-sena. Dan wara li raġel armat inqatel mill-Pulizija meta hu kien viċin il-konsulat ta’ Iżrael u ċ-ċentru għad-dokumentazzjoni tal-aġir kriminali tan-Nażisti f’din il-belt.

Il-Ministeru tal-Intern qal li r-raġel miet ftit wara li kien involut fi sparatura mal-Pulizija u meta mifhum li hu kien armat b’azzarin awtomatiku. Intant ma weġġa’ ħadd fil-konsulat – bl-isparatura sseħħ wara li l-Pulizija ddeċidew biex iżidu l-livell tas-sigurtà madwar is-sinagoga ewlenija fi Munich.

Fil-fatt, il-konsulat Iżraeljan, waqt il-ħin tal-inċident, kien magħluq minħabba li kien għaddej servizz ta’ tifkira relatat mat-52 anniversarju tal-massakru tal-atleti Iżraeljani mit-terroristi tal-grupp Palestinjan Black September. Il-massakru kien seħħ waqt l-Olimpjadi ta’ Munich li saru fl-1972.

Ma jidhirx li r-raġel armat kellu l-kompliċi, bil-Pulizija jagħlqu l-aċċessi ewlenin lejn il-konsulat Iżraeljan waqt li għaddejjin l-investigazzjonijiet. Dan, waqt li l-awtoritajiet qalu li kien qed isir minn kollox biex huma jikkjarifikaw is-sitwazzjoni – fost l-appelli biex il-pubbliku ma jintilifx f’ħafna spekulazzjoni infondata.

Iċ-ċentru għad-dokumentazzjoni dwar l-istorja tas-Soċjaliżmu Nazzjonali (Nażiżmu) kien infetaħ disa’ snin ilu fi Munich u jinsab f’sit li, għexieren ta’ snin ilu, kien iservi bħala l-kwartieri-ġenerali tal-Eks Partit Nażista.

U fl-aħħar sigħat ukoll, il-Konslu Iżraeljan, Talya Lador, irringrazzjat lill-Pulizija għal kif huma irreaġixxew minnufih għall-emerġenza – u fejn sostniet li l-inċident fi Munich għandu jservi bħala dimostrazzjoni oħra tal-livell perikoluż ta’ antisemitiżmu mhux biss fil-Ġermanja, iżda anki fi Stati Ewropej oħrajn.

Il-President ta’ Iżrael, Isaac Herzog, iddiskuta s-sitwazzjoni mal-President tal-Ġermanja, Frank-Walter Steinmeier, u fejn huma ngħaqdu f’kundanna ‘u sens ta’ orrur’ dwar l-inċident li jidher kien xprunat minn skop terroristiku.

Il-President Herzog qal li wieħed ma setax ma jinnutax is-sinifikat tad-data tal-anniversarju tal-massakru ta’ Munich waqt l-evalwazzjoni tal-isparatura viċin il-Konsulat Iżraeljan f’dik il-belt Ġermaniża.

Hu saħaq li ‘terrorist mimli bil-mibegħda kellu l-ħsieb li joqtol lin-nies innoċenti proprju waqt li l-komunità tal-Lhud fi Munich kienet qed tfakkar u tonora lill-atleti Iżraeljani li tilfu ħajjithom bl-aktar mod krudili waqt l-Olimpjadi tal-1972’.