Lokali

Il-Kummissarju Azzopardi jippersisti fl-iżball oħxon li ħa – PN

Minkejja li, wara li ġbidnielu l-attenzjoni, kellu jammetti li ħa żball oħxon fir-rapport li għamel dwar il-Ministru Miriam Dalli, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika llum irrifjuta li jirrevedi l-mod li bih għalaq il-każ; jiġifieri b’sempliċi apoloġija tal-Ministru Miriam Dalli.

Dan qalu l-PN, fi stqarrija maħruġa mix-Shadow Minister Karol Aquilina.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li, fl-istess rapport, il-Kummissarju Joseph Azzopardi sab lill-Ministru Miriam Dalli ħatja li kisret l-artikoli 4.9, 4.10 u 7.4 tal-Kodiċi ta’ Etika għall-Ministri u Segretarji Parlamentari. Bid-deċiżjoni li ħa llum, il-Kummissarju qed jipproteġi lill-Ministru Miriam Dalli mill-konsegwenzi li għandhom jirriżultaw mir-rapport li kiteb hu stess.

B’dan l-aġir, il-Kummissarju qed jirrendi ruħu parti mis-sistema ta’ impunità u tax-xejn mhu xejn li fl-aħħar snin ġabet lil pajjiżna għarkopptejh.

Għaldaqstant, illum huwa ċar għal kulħadd kemm kellu raġun il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista jivvota kontra l-ħatra tal-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi bħala Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

Ir-riżultat ta’ din id-deċiżjoni ħażina li ħa l-Prim Ministru Robert Abela qed jarahom kulħadd: illum l-Uffiċċju għall-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika sar istituzzjoni oħra li ma taħdimx fl-interess pubbliku.

Pajjiżna jeħtieġ u jixraqlu Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li jeżiġi li l-Prim Ministru, il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari jġorru r-responsabbilità għall-abbużi li jkunu wettqu u mhux li jara kif jagħmel biex jeħlishielhom ħafif.