L-Arċipriet, il-Kan David Cilia, u l-Kapitlu Urban tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu, waslitilhom l-aħbar minn terzi, li l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta waqqa’ t-tender tar-restawr tal-faċċata tal-Kolleġġjata.
Dan intqal fi stqarrija maħruġa llum mill-parroċċa Pawlina.
Net News huwa infurmat li l-laqgħa saret nhar it-Tlieta li għadda, u saret fil-magħluq. Tant li lanqas ġiet imxandra online.
Il-laqgħa kienet dominata minn ħafna għajat u ġlied. U preżenti kien hemm ukoll avukat, li ġie imsejjaħ mis-Sindku Laburista.
L-istqarrija tal-parroċċa tgħid li l-Kunsill Lokali mmexxi mis-Sindku Olaf McKay, u megħjun mis-Segretarju Eżekuttiv, bla ebda diskussjoni mal-Kapitlu bħala firmatarju tal-ftehim mal-Planning Authority, reġa’ waqqaf it-tender biex dan il-proġett ma jkunx jista’ jsir.
Dan it-tender spiċċa reġa’ kixef il-qasma kbira li hemm f’dan il-Kunsill Laburista, hekk kif l-Eks Sindku Alfred Zammit ħareġ jiddikjara li huwa “kontra din id-deċiżjoni li jerġa’ jaqa’ t-tender għat-tieni darba”. Zammit fakkar ukoll kif fl-aħħar seduta tal-Kunsill ħareġ ‘il barra bi protesta.
Intant, il-Kapitlu tal-Kolleġjata esprima d-dispjaċir tiegħu li l-Kunsill Lokali qed jiddiskrimina mal-parruċċani tal-Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu, b’akkaniment li qatt ma rajna bħalu.
Il-Kapitlu qiegħed f’kuntatt ma’ awtoritajiet governattivi biex dan l-abbuż min-naħa tal-Kunsill ma jkollux l-aħħar kelma.
Il-Kapitlu wkoll qed jirriżerva kull dritt għall-ħlas tad-danni li jista’ jsofri.
Intant, il-ġimgħa li għaddiet il-kunsillieri tal-PN talbu laqgħa urġenti dwar din il-materja. Iżda t-talba ma ġietx aċċettata.
Il-kunsillieri tal-PN qed jibqgħu kommessi li jsir il-proġett tal-faċċata tal-knsija, u fl-ebda ħin ma vvutaw biex jitwaqqa’ t-tender.
Stqarrija mill-Għaqda tal-Pawlini
Il-Kumitat Ċentrali tal-Għaqda tal-Pawlini jinnota b’dispjaċir l-aħbar li t-tender għar-restawr tal-faċċata tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu reġa’ ġie mwaqqaf għat-tieni darba.
Din l-aħbar hija ta’ diżappunt kbir għall-Pawlini Beltin kollha, kif ukoll kulmin għandu għal qalbu l-wirt nazzjonali, hekk kif il-faċċata tal-Knisja, issa hija l-aħħar waħda fil-Belt Valletta li għad ma ingħatatx ir-restawr tant neċessarju.
Ta’ min ifakkar li Triq San Pawl hija waħda mill-arterji prinċipali tal-Kapitali u li minnha jgħaddi ħafna traffiku, għalhekk il-Knisja hija esposta għal volum elevat ta’ trabijiet u exhaust li jagħmlu l-bżonn għat-tindif u r-restawr iktar urġenti.
Il-Kumitat tal-Għaqda tal-Pawlini jesprimi kull sostenn lill-Arċipriet tal-Kolleġġjata u lill-Kapitlu, u jawgura li dan it-twaqqif ikun wieħed temporanju, u x-xogħol jingħata bidu mill-iktar fis.
//= $special ?>