Internazzjonali

Il-Papa fl-Indoneżja… sejħa konġunta għall-paċi u l-armonija

Il-Papa Franġisku, waqt l-aħħar jum taż-żjara fl-Indoneżja, wissa biex ħadd ma juża l-iskuża tar-reliġjon biex jixpruna sitwazzjonijiet ta’ kunflitt iddominati mill-vjolenza.

Il-Kap tal-Kattoliċi qed jikkonkludi l-ewwel fażi taż-żjara impenjattiva ta’ 11-il jum fir-reġjun tal-Asja u l-Paċifiku – u fejn hu kompla jenfasizza l-kunċett tal-għaqda u t-tolleranza bejn il-ġnus u d-denominazzjonijiet reliġjużi.

Waqt li kien fil-moskea ta’ Istiqlal, f’Jakarta, il-Papa ffirma dikjarazzjoni dwar l-armonija reliġjuża u l-protezzjoni għall-ambjent flimkien mal-Imam ewlieni ta’ din il-moskea Nasaruddin Umar. Waqt li kien hemm, il-Papa Franġisku ltaqa’ wkoll mal-kapijiet lokali li jirrappreżentaw lill-fergħat tar-reliġjon differenti fil-pajjiż.

Intant, l-aktar avveniment mistenni tal-Papa fl-Indoneżja kienet il-quddiesa għall-massa li hu kkonċelebra fl-akbar stadium tal-futbol f’dan il-pajjiż u li għaliha attendiet folla ta’ 80,000. Dan qabel sensiela ta’ impenji oħra li, fost oħrajn, jinkludi żjarat f’Papua New Guinea, Timor Leste u Singapore.

Il-Papa Franġisku, waqt it-tmiem taż-żjara fl-Indoneżja, anki wissa li l-umanità qed tiffaċċja kriżi serja dovuta għall-gwerer, diversi tipi ta’ kunflitti u l-qerda tal-ambjent. Għaldaqstant, hu saħaq biex in-nies kollha ta’ kull twemmin jiftakru fil-kunċett tal-fratellanza u jinsew id-differenzi li joħolqu l-firda.

L-Indoneżja hi l-pajjiż bl-akbar maġġoranza ta’ Musulmani fid-dinja – u meta tlieta fil-mija biss fost ir-residenti huma Kattoliċi. F’dan il-pajjiż hemm sitt reliġjonijet uffiċjali li, minbarra l-Islam, jinkludu l-Protestantiżmu, il-Kattoliċiżmu, il-Buddiżmu, il-Ħinduiżmu u l-Konfuċjaniżmu.