Kultura Lokali

Il-Premju Commonwealth għan-Novelli 2025 jiftaħ għal sottomissjonijiet bil-Malti u bl-Ingliż

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) ħabbar it-tiġdid tal-kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Commonwealth għal edizzjoni oħra tal-Premju Commonwealth għan-Novelli 2025. Għat-tieni darba fuq xulxin, il-KNK qed iservi ta’ pont sabiex il-kittieba Maltin jissottomettu novella bil-lingwa nattiva tagħhom u jkunu megħjuna fit-traduzzjoni għall-Ingliż sabiex tiġi aġġudikata.

Il-Premju Commonwealth għan-Novelli qed jilqa’ s-sottomissjonijiet sal-1 ta’ Novembru 2024. Il-konkors jinsab fl-erbatax-il sena tiegħu, u jippremja l-aħjar biċċa xogħol ta’ letteratura fittizja mhux ippubblikata bl-Ingliż jew tradotta għall-Ingliż (2,000–5,000 kelma). Kull sena jkun hemm ħames stejjer rebbieħa magħżula mill-ħames reġjuni tal-Commonwealth – l-Afrika, l-Ażja, il-Kanada u l-Ewropa, u l-Karibew u l-Paċifiku. Waħda minn dar-rebbieħa reġjonali tintgħażel bħala r-rebbieħa fuq kulħadd. Kull rebbieħ reġjonali jingħata premju monetarju ta’ £2,500, u r-rebbieħ fuq kulħadd £5,000. Kull storja rebbieħa tkun ippubblikata fuq il-fuljett letterarju Granta.

Il-bord tal-aġġudikanti tal-Premju Commonwealth għan-Novelli 2025 huwa ċċerjat mill-kittieb u ċinematografiku Rotuman Dr Vilsoni Hereniko, rebbieħ ta’ bosta premji, flimkien ma’ aġġudikanti distinti oħra minn kull reġjun tal-Commonwealth. Il-finalisti jitħabbru f’April, ir-rebbieħa reġjonali f’Mejju, u r-rebbieħ fuq kulħadd f’Ġunju tal-2025.

Il-kittieba minn Malta jistgħu jissottomettu n-novella tagħhom bil-Malti jew bl-Ingliż. Il-lista t-twila tas-sottomissjonijiet bil-Malti tkun tradotta għall-Ingliż sabiex tiġi aġġudikata mill-bord. Il-parteċipanti li se jdaħħlu xogħolhom bil-Malti jridu jispeċifikaw min hu t-traduttur tal-għażla tagħhom, jekk hemm bżonn, waqt il-proċess tal-applikazzjoni online.

Il-konkors miftuħ għal persuni li għandhom 18-il sena jew aktar, u huwa b’xejn. Kull kittieb jista’ jissottometti xogħol wieħed biss. Ir-regolamenti u l-kriterji tal-eliġibbiltà ssibhom hawnhekk.

Il-kittieba Maltin imħeġġin idaħħlu xogħolhom għall-Premju Commonwealth għan-Novelli 2025 sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Novembru, biex b’hekk jidħlu fiċ-ċans li jpoġġu l-letteratura Maltija fuq il-mappa dinjija.