Jean Pierre Schembri ta’ 47 sena minn Ħaż-Żebbuġ li fit-30 ta’ Awwissu li għadda tressaq il-Qorti fuq akkużi ta’ fastidju, intimidazzjoni, insulti, ħsara kriminali, aggressjoni li tirriżulta f’feriti ħfief fil-konfront tal-preżentatur ta’ One TV Karl Stagno Navarra, ingħata l-ħelsien mill-arrest mill-Qorti.
Dwar dan kien hemm qbil ukoll minn naħa tal-Avukati tal-parte civile. Quddiem il-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil, xehed Stagno Navarra fil-każ fejn Schembri qed jiġi mixli wkoll b’reati relatati mal-użu ħażin ta’ tagħmir tat-telekomunikazzjoni.
“Gie quddiem id-dar tiegħi bi ‘crash helmet’ beda jsabbat u kelli niftahlu. Kif rajtu biha f’idu għamilt idi wara dari għax kont ċert li kif se nimbbutah, kien joqtolni. Ghax dan kollu skont hu, irrid li nħallsu l-interessi fuq il-pagamenti li għandi nagħtih. Kelli ġrieħi ħfief f’wiċċi għaliex x’ħin faqa’ l-vażun tal-ħġieg tal-mejda f’wiċċi, qabadni minn għonqi.”
F’xhieda li ta fit-tul, Karl Stagno Navarra qal: l-għażla kienet jew li nagħmel suwiċidju, inkella nirrapporta. Għal €500 għamel din ix-xentata kollha. Sostna li kien ilu ħafna jirċievi messaġġi li fihom “insulti u theddid” mill-imputat u li dawn kienu bla ħin, kemm matul il-ġurnata kif ukoll bil-lejl.
Stagno Navarra sostna wkoll li l-imputat kien qed idur fl-inħawi tad-dar tiegħu u tal-post tax-xogħol tiegħu. L-allegat vittma ppreżenta l-irċevuti li qal li kien iħallas b’mod regolari. B’kollox li li kien qed jippreżenta fil-Qorti 19-il riċevuta.
Dan, huwa qal flimkien ma’ ktejjeb li kellu jagħmel wara li skont hu l-akkużat waqaf jagħtih l-irċevuti bil-firma, fi ħlasijiet li jvarjaw bejn €300 u €400. Tenna li l-imputat żamm il-karozza taħt ismu wara li hu kien xtara karozza tal-marka Mini Minor mingħandu u li wara kien bidilha ma’ Nissan Qashqai.
Fil-Qorti nstemgħu kummenti li kien irrekordja l-istess Stagno Navarra ta’ meta l-akkużat kien iċempillu għal flus fejn jinstema’ ħafna kliem ħażin. L-allegat vittma qal dan kien rikatt akbar minħabba li huwa persuna pubblika. Tenna li din l-istorja ilha sejra mill-2021.
L-Avukat Lennoix Vella, li deher għall-akkużat, reġa’ għamel talba għall-ħelsien mill-arrest, li kienet ġiet miċħuda meta kien tressaq Schembri. Hawn semma kif hu qed jieħu ħsieb lil bintu minuri u li għand impjieg mal-Gvern u li l-klijent tiegħu ma kellux problemi ta’ droga jew alkoħol, kellu indirizz fiss.
L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri f’isem Karl Stagno Navarra, ma oġġezzjonawx għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat sakemm ikun hemm dawk il-kundizzjonijiet ta’ serħan tal-moħħ, fosthom li Schembri ma jersaqx lejn is-Siġġiewi fejn joqgħod l-allegat vittma, u fejn il-post tax-xogħol tiegħu.
Il-Qorti laqgħet it-talba għall-pleġġ taħt diversi kundizzjonijiet li jinkludu li ma jersaqx lejn il-postijiet imsemmija u ma jikkomunika bl-ebda mod mal-parte civile, li jiddepożita s-somma ta’ €500 u garanzija personali ta’ €2,500, li ma joħroġx mid-dar qabel is-7am u li jkun ġewwa sat-8pm. Huwa jrid jiffirma kuljum fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħal Qortmi bejn it-8am u t-8pm.
//= $special ?>