Libjan ta’ 32 sena ngħata sentenza sospiża wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li ta fastidju sesswali lil tfajla f’lift ta’ lukanda f’San Ġiljan. L-akkużat u l-vittma kienu fuq btala jirrisjedu fl-istess lukanda bil-fastidju sesswali jseħħ għall-ħabta tas-2am tal-Ħamis, 5 ta’ Settembru.
Shallouf Ahmed Mahamoud ammetta li wettaq dan ir-reat meta l-vittma, flimkien mal-ħabiba tagħha, iltaqgħu fil-lift mal-Libjan b’kumbinazzjoni. Huwa qabad wiċċ il-vittma u wara daħħal idu taħt id-dublett tagħha u messilha l-warrani.
Ir-raġel li f’pajjiżu huwa negozjant, telaq minn fuq il-post, iżda l-Pulizija rnexxilha tidentifikah wara li t-tfajliet inzertawh mill-ġdid fir-reception tal-lukanda u ħadu filmat. L-akkużat ammetta mill-ewwel ħtijjietu – dik li wettaq atti sesswali mingħajr kunsens.
Wara li qieset il-fatt li l-akkużat ammetta fi stadju bikri tal-proċeduri, il-Qorti kkundannat lir-raġel għal sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin filwaqt li ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma għal tliet snin mill-għoti tas-sentenza.
Il-Maġistrat Stafrace Zammit ordnat ukoll li l-imputat jiġi deportat lura lejn pajjiżu.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-ispettur Michael Vella flimkien mal-Avukati Cynthia Tomasuolo u Miriayah Borg mill-uffiċċju tal-Avukat Generali. Għall-akkużat deher l-avukat Nicholas Mifsud.
//= $special ?>