Il-Qorti kkonfermat żewġ sentenzi mogħtija mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili li l-kumpanija No Deposit Cars ħarġet kuntratti frawdolenti ta’ bejgħ ta’ karozzi ‘second hand’. Il-kumpanija No Deposit Cars, li hija ta’ Christian Borg, ħabib tal-Prim Ministru Robert Abela, li jinsab akkużat b’allegat ħtif ta’ persuna u ħasil ta’ flus, liema kumpanija ġiet ordnata wkoll tħallas għall-ħela tal-ħin tal-Qorti.
F’żewġ kawżi separati, il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti, l-Imħallfin Christian Falzon Scerri u Josette Demicoli, ċaħdet l-appelli. L-ewwel każ kien ġie deċiż fi Frar 2023, u kien inbeda minn klijenta li ġiet mogħtija karozza difettuża, offruta karozza difettuża oħra bħala alternattiva u ġiet irrifjutata u intimidata meta fittxet rifużjoni ta’ flus kontanti. Abbażi ta’ dan, rapport tal-Pulizija kien ġie ppreżentata kontra l-kumpanija.
L-Imħallef Grazio Mercieca kien laqa’ t-talba tal-klijenta, u ordna lill-kumpanija tħallasha €15,155 u enfasizza li l-impjegati tal-kumpanija kienu diżonesti fit-trattament tagħhom mal-mara. It-tieni sentenza, mogħtija mill-Imħallef Toni Abela s-sena l-oħra, kienet saħansitra aktar ta’ dannu fir-rigward tal-prattiċi tan-negozju tal-kumpanija.
Ħareġ li l-kumpanija fittxet li ġġiegħel klijent ieħor mhux sodisfatt bil-karozza li xtara biex iħallas kollox għal karozza difettuża li rritorna lura ftit wara li xtraha. L-istess karozza kienet fil-fatt ġiet mibjugħa mill-ġdid mill-kumpanija lill-klijent ieħor fl-2021, biss biex dan il-klijent jerġa’ jirritorna l-karozza b’mod simili fi żmien qasir.
L-Imħallef Abela, li s-sentenza tiegħu kienet konfermata mill-Qorti tal-Appell, kien innota li l-karozza minn dakinhar baqgħet f’maħżen bil-bejjiegħ “jittama li se tibqa’ hemm.” L-Imħallef Abela kien insista li l-kuntratti li permezz tagħhom No Deposit Cars kienet qed tbigħ karozzi użati, ma kellhomx l-element kruċjali ta’ ‘bona fide’, u sostna li huwa konvint li l-kumpanija kienet taf sew li qed tbigħ karozzi difettużi, u li l-kuntratti tagħha speċifikament eskludew il-possibbiltà ta’ ilmenti dwar difetti moħbija.
L-Imħallef iddetermina li dan in-nuqqas għamel tali ftehim infurzabbli peress li l-kumpanija kienet qed issegwi prattiċi qarrieqa ta’ frodi. Fl-appelli tagħha, il-kumpanija insistiet li s-sentenzi oriġinali tal-Imħallfin Mercieca u Abela kienu bbażati fuq valutazzjoni skorretta ta’ fatti u provi. Sostnew li l-prezz tal-karozza għamilha ċara li l-karozza kienet waħda f’kundizzjoni tajba u li mhux se jkollha problemi jew difetti.
“Minflok indiema għall-azzjonijiet frawdolenti tagħha… il-kumpanija sfruttat il-proċeduri ta’ appell biex tkompli ddejjaq u tagħmel ħsara bla bżonn lill-klijent tagħha,” qalu fis-sentenza tagħhom dwar l-appell kontra s-sentenza ta’ Abela.
Huma għamlu argument simili fis-sentenza l-oħra, u enfasizzaw f’dan il-każ it-tentattiv apparenti ta’ No Deposit Cars li jevadi r-responsabbiltajiet legali tagħha fuq l-attentat apparenti tagħha li tikkawża ħsara lill-klijent.
Fiż-żewġ każijiet, l-imħallfin emfassizzaw li din l-imġiba m’għandhiex tibqa’ bla piena, u sostnew li kien ġust li l-kumpanija tħallas għall-ispejjeż “tal-preżentazzjoni ta’ appell vojt li ovvjament ma jwassal imkien.” B’hekk il-kumpanija ġiet ordnata tħallas €1,000, għalkemm din is-somma ma kinitx biżżejjed meta mqabbla mal-problemi legali preżenti li qed jiffaċċjaw il-kumpanija u s-sid tagħha.
Ix-xahar li għadda, Borg, diversi assoċjati u diversi kumpaniji li għandu fosthom No Deposit Cars, ġew mixlija b’ħasil ta’ flus, konfoffa kriminali u gwadann frawdolenti għad-detriment tal-Gvern ta’ Malta hekk kif huma maħsuba li wettqu frodi ta’ taxxa li tiswa miljuni ta’ ewro. Bħalissa għaddejjin proċeduri kriminali kontra Borg u erba’ rġiel oħra li huma akkużati li ħatfu u sawtu panel beater.
//= $special ?>