Lokali

Patrick Dalli jgħid li Helena Dalli kienet vittma ta’ “attakk faxxista” mil-Laburisti

Żewġ diriġenti għolja tal-Partit Laburista wettqu maniġġi sabiex jagħmlu ħsara lill-kredibbiltà ta’ Helena Dalli. Dan kien attakk faxxista.

Hekk iddikjara fuq Facebook Patrick Dalli – ir-raġel tal-Eks Ministru Laburista u Kummissarju Ewropew Helena Dalli, li fil-ġimgħat li ġejjin mistennija tħalli postha għal persuna magħżula mill-Prim Ministru Robert Abela.

Dan hekk kif wara li l-Mexxej tal-Labour ried ipoġġi minflokha lill-Eks Ministru Chris Fearne, minkejja l-akkużi ta’ frodi fil-konfront tiegħu, kellu jara lil min se jagħżel minfloku… u kien sfurzat idawwar ħarstu lejn iċ-Chief of Staff li kellu – Glenn Micallef.

Madanakollu, jidher li anke hawn għandu l-problemi – kif stqarr ripetutament il-PN – hekk kif il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von der Leyen qed tisħaq ma’ Abela biex ifittex lil ħaddieħor għas-sempliċi raġuni li Micallef mhux kwalifikat biżżejjed.

Għaldaqstant, qed tikber l-eventwalità li Helena Dalli tagħmel it-tieni terminu tagħha – madankollu, għax Dalli tagħmel parti mill-klikka ta’ Muscat, jidher li Abela ma jridhiex akkost ta’ kollox – tant li issa qed joħorġu fake news dwarha miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.

Patrick Dalli insista li l-gazzetta Illum gidbet fuq Helena Dalli. U saħaq li fix-xhur li għaddew kien hemm min, mil-Labour stess, li għamel ħsara lill-kredibbiltà tagħha – għaliex fil-verità, hi qatt ma talbet xejn.

Huwa insista li minkejja li tat ħajjitha għall-Partit Laburista, spiċċat vittma ta’ attakk faxxista mill-Partit tal-Labour stess.

Aktar qabel, iben Helena Dalli, Luke Dalli – magħruf għal qrubija tiegħu mal-Eks Prim Ministru u Eks Mexxej tal-Labour Joseph Muscat – ħabbar fuq Facebook li ma kienx se jibqa’ jippreżenta programmi fuq is-Super One u li din kienet deċiżjoni iebsa ferm għalih. Bit-tifel ta’ Helena Dalli jinsisti li meta jkun hemm “iċ-ċirkustanzi ġusti li jirritorna” se jagħmel dan.

Hawn, Patrick Dalli saħaq li l-imħabba u r-rispett tal-familja jiġu qabel kollox. Intant, dan kollu jkompli jikxef l-inkwiet li għandu Robert Abela, u l-firda li l-Prim Ministru u Mexxej tal-Labour qed jimxi biha – taqbid bejn klikka u oħra bir-riżultat elettorali tat-8 ta’ Ġunju jixħet lil Abela f’bir ta’ skieken li minnu qed isofri l-poplu kollu. Dan hekk kif Robert Abela aktar imħasseb dwar kif se jsalva ġildu u l-poter milli l-isfidi li qed iħabbat wiċċu magħhom iċ-ċittadin.